“Għan-normalità f’Mejju bżonn 5,000 vaċċin kuljum”

Il-Covid Action Team tal-PN jiltaqa’ mal-MAM

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija saħaq li l-vaċċin tal-Covid-19 mhux qed jingħata lil biżżejjed nies kuljum u li dan ifisser li “l-miri li qed jispara l-Prim Ministru, li sa Mejju jkollna normalità, ma jistgħux jintlaħqu”.

Il-PN ħareġ din l-istqarrija wara laqgħa li l-Covid Action Team tal-PN kellu mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), fejn intqal li biex in-normalità tintlaħaq sa Mejju, iridu jingħataw aktar minn 5,000 vaċċin kuljum, meta sal-lum qed jingħataw madwar 50 biss.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li dak li qal il-Ministru tas-Saħħa, li l-immunità f’Malta mistennija tintlaħaq lejn l-aħħar tas-sajf, “għalkollox jikkontradixxi l-miri tal-Prim Ministru li jrid imur back to business as usual qabel Mejju li ġej”.

Appella biex isir dak kollu meħtieġ biex il-miri jintlaħqu bil-fatti, bil-poplu jibqa’ jobdi l-pariri u d-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex jiġi assigurat kontroll tal-pandemija.

Dalgħodu, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li erba’ anzjani oħra sfaw vittmi tal-COVID-19.