Għamlet aktar sħana f’Lulju din is-sena?

L-ogħla temperatura f’Lulju laħqet is-36°C hekk kif partijiet tal-Ewropa nħakmu minn mewġa ta’ sħana.

Fi stqarrija l-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li wara Ġunju li kien xi ftit aktar frisk milli mistenni, ix-xahar ta’ Lulju ġab miegħu jiem aktar sħan, fejn il-gżejjer Maltin esperjenzaw temperaturi li kienu ogħla min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.

Tmintax-il ġurnata f’Lulju rreġistraw temperaturi tal-arja massimi li qabżu n-norma klimatika ta’ 31.6°C. Fl-aħħar jum tax-xahar, it-temperatura tal-arja laħqet massimu ta’ 36°C f’Malta, hekk kif partijiet oħrajn tal-Ewropa nħakmu minn mewġa ta’ sħana.

Intqal li t-temperatura medja tal-baħar għax-xahar ta’ Luju ta’ 25.7°C kienet 1°C ogħla minn dik mistennija f’dan iż-żmien tas-sena.

Tul ix-xahar tkejlu 365.6 siegħa xemx u l-kopertura tas-sħab medja kienet l-istess bħan-norma klimatika, jiġifieri ta’ 0.9 oktas. Kull ġurnata f’Lulju gawdiet bejn 7.4 u 13.1 siegħa xemx, bl-aktar jum imdawwal ikun id-29 ta’ Lulju.

 Dakinhar, ġew osservati diversi trombi tat-trab (dust whirls) mill-Uffiċċju Meteoroloġiku. Dawn il-kolonni tat-trab jistgħu jilħqu għoli ta’ 30 metru u jirriżultaw minn arja instabbli qrib l-art li tkun ikkawżata jekk wiċċ l-art jisħon ħafna bix-xemx.

 Ix-xahar ta’ Lulju kien ġeneralment wieħed kalm, u matulu l-veloċità medja tar-riħ kienet ta’ 6.8 knots. Il-buffura massima għax-xahar – ta’ 32 knots mid-direzzjoni tal-Punent Majjistru – tkejlet fir-raba’ jum tax-xahar.

Filwaqt li f’Lulju ġeneralment jitkejlu 0.2 mm ta’ xita, f’Lulju li għadda tkejlet biss traċċa ta’ xita.