Min ikun għamel tattoo, misluta mal-ġisem jew endoskopija issa jrid iħalli 4 xhur biex jagħti d-demm. Dan naqas minn 6 xhur.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ħabbar dan fi stqarrija, u spjega li introduċa sistema ġdida ta’ testijiet fuq id-demm. Dan huwa magħruf bħala NAT testing.
NAT testing tfisser Nucleic Acid Test. Dan hu test li jsir direttament fuq l-istruttura interna ta’ għażla ta’ viruses. Dawn it-testijiet qassru ż-żmien li wieħed irid jistenna biex jagħti d-demm.
Minħabba dawn il-bidliet, is-Servizz jagħti parir biex qabel ma persuna ma tmur tagħti d-demm, iċċempel 8007 4313 biex tieħu parir. Tista tagħti d-demm f’dawn il-postijiet u ħinijiet:
• fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum mit-8am sas-6pm.
• fil-mobile blood donation unit li nhar Is-Sibt 21 ta’ Settembru mit-8.30am sas-1.00pm ser ikun fil-parkeġġ ta’ maġenb l-knisja parrokkjali u Bażilika tal-Mosta.
• fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 22 ta’ Settembru mit-8.30am sas-1.00pm ser ikun fil-wesgħa ta’ wara l-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard.
• fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar It-Tlieta 24 ta’ Settembru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.
Min imur jagħti d-demm irid jieħu miegħu dokument tal-identità.