“Għamilt 12-il jum f’koma; ma niftakar xejn” – żagħżugħ li ttajjar fir-Rabat

Żagħżugħ li f’April li għadda ttajjar minn karozza fir-Rabat spjega kif wara l-inċident għamel 12-il jum f’koma u ma jiftakar xejn.

Matteo Grima kien iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li fit-23 ta’ April, għall-ħabta tas-6.30pm ittajjar minn karozza fi Triq Ħad-Dingli. Bid-daqqa ż-żagħżugħ spiċċa l-Isptar Mater Dei jissielet għal ħajtu.

Grima qasam l-esperjenza tiegħu mal-paġna ta’ Facebook The People of Malta, paġna li tħares lejn stejjer ta’ persuni li jgħixu f’Malta u taqsam l-esperjenzi tagħhom mal-pubbliku abbonati ma’ ritratt tal-istess persuna.

Grima spjega kif hu kien spiċċa f’sitwazzjoni gravi ħafna u sostna li l-mod kif ħareġ minnha għalih hua miraklu. Sostna li ċ-ċans li jsalva kien wieħed veru żgħir u l-fatt li rnexxielu jirkupra daqshekk malajr hi xi ħaġa inkredibbli. Spjega kif issa għaddew aktar minn xahrejn mill-inċident.

Hu rrakkonta kif minħabba l-pandemija tal-coronavirus, ma kienx qed ikollu taħriġ tal-futbol. B’hekk kien qed imur jiġri biex ikompli bit-taħriġ fiżiku tiegħu. Spjega li wara l-inċident għamel 12-il jum f’koma u ma jiftakar xejn minnhom. Qal li l-biża’ tal-qraba tiegħu kienet li malli waslu l-ITU u staqsew lit-tobba, dawn qalulhom li ċ-ċans kien li hu jew imut jew ikollu diżabilità. “Għall-grazzja ta’ Alla l-ebda minnhom ma ġrat,” qal Grima.

Sostna li sar miraklu għax ‘il quddiem jista’ jkompli l-ħajja simili ta’ kif kien qabel. Jista’ jitkellem, jimxi u fi żmien tliem ġimgħat mill-inċident ħareġ mill-isptar. Qal li missieru jgħid li meta sar l-inċident hu u oħtu kienu qed jgħidu r-rużarju f’kappella l-Imtarfa. Irrimarka wkoll li meta qam mill-koma kien propju waqt l-innu marċ tal-Lunzjata li tant iħobb. Spjega li minn tant santi, fil-kamra qrib l-operazzjoni, fuq mejda, missieru sab santa tal-Luzjata waħedha u ħadha miegħu biex tgħinnu mat-talb. “Issa sirt nemmen iżjed fit-talb. Saret awtomatika li ngħid talba qabel ma norqod,” spjega ż-żagħżugħ.

Grima qal li issa fadallu operazzjoni oħra xi ssir fix-xhur li ġejjin. Spjega kif minn dejjem kien bniedem determinat u baqa’ jaħdem mat-tobba u l-fiżjoterapisti biex jerġa’ jibda jikteb u jpinġi ħalli jkun jista’ jkompli l-kors tal-Arkitettura. “Grazzi lit-tobba, infermiera u qassisin li ħadu ħsiebi, imlewni kuraġġ u għinuni. Grazzi tas-support li rċevejt mill-familjari, sħabi u apprezzajt il-messaġġi tal-plejers tal-futbol tan-Nazzjonal,” qal iż-żagħżugħ.

Hu tkellem ukoll dwar ir-rabja, qal li din hija xi ħaġa li bilfors ikollok. “Imma naħseb fil-pożittiv u r-rabja tinbidel u ngħid kemm jiena lucky li għadni hawn. Il-ħajja saret tfisser ħafna iktar għalija. Tgħallimt li ma rrid naqta’ qalbi qatt. Għaddejt minn sitwazzjoni li ma naħsibx li f’ħajti se jkolli sfidi ikbar minn din x’nissupera. Nittama li qed nagħti kuraġġ lil min għaddej minn mument diffiċli bħalissa,” temm jgħid iż-żagħżugħ.

“Kont gravi ħafna u nfatti għalhekk jiena nsejjaħlu miraklu. Għax iċ-ċans li nsalva kien veru żgħir u anki l-fatt li…

Posted by The People of Malta on Monday, July 6, 2020