“Għamilna li stajna biex addattajna għall-kriżi preżenti”

Read in English.

Id-Direttur ta’ Coporate ID Group Jesmond Saliba qal li l-kumpanija tiegħu rat kif immirat is-servizzi tagħha skont il-bżonn tal-klijenti tagħha fi żmien fejn il-pajjiż spiċċa fil-kriżi tal-coronavirus.

Saliba kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar l-isfidi kurrenti li qed taffaċċja l-kumpanija tiegħu f’dan iż-żmien fejn Malta tinsab għaddejja mill-kriżi tal-COVID-19. Hu sostna li għandu d-dubji serji jekk kienx hemm setturi tan-negozji li ma sofrewx f’kriżi bla preċedent tat-tip.

Spjega li l-kumpanija tiegħu li tforni servizzi ta’ konsulenza għandha l-komunikazzjoni u l-informazzjoni fil-qalba tagħha u topera fl-industrija tal-midja u kreattiva. Qal li kien inevitabbli li hi wkoll tħoss id-daqqa li ħassew il-klijenti tagħha. Dan meta l-klijenti bdew iwaqqfu temporanjament numru ta’ attivitajiet relatati mal-midja hekk kif kellhom anke jwaqqfu parti mill-operat tagħhom.

Minkejja dan, Saliba spjega li l-kumpanija ppreparat lilha nnifisha għall-isfidi li ż-żmien kien se jġib miegħu. Dan għamlitu billi assigurat li tkun preżenti u lesta li tgħin lill-klijenti u l-istakeholders tagħha, jiġifieri lill-midja u lis-soċjetà b’mod inġenerali. Qal li huma rrealizzaw li s-servizzi tagħhom kellhom jiffukaw aktar fuq konsulenza u sapport milli mil-lat kreattiv u ta’ reklamar dirett.

Qal li huma assiguraw li r-riżorsi kollha tagħhom kienu lesti sabiex jaħdmu kif hemm bżonn ħalli l-klijenti tagħhom li jitolbu s-sapport isibu mhux biss għajnuna imma wkoll xi ħadd li se jibqa’ magħhom wara li tgħaddi l-maltempata, sabiex jgħinhom jissaħħu.

Saliba sostna li r-reazzjoni naturali ta’ ħafna negozji hija dik li jiffriżaw ċertu attività promozzjonali. Minkejja dan qal li din l-esperjenza qed tqajjem kuxjenza fuq l-importanza li kulħadd jikkomunika l-messaġġi tiegħu sew u jkollu kontenut ta’ kwalità. Qal li dan huwa wkoll żmien meta l-investiment li għamlu l-klijenti tiegħu biex joħolqu brands awtentiċi permezz ta’ relazzjonijiet pubbliċi effettivi, jiġi kapitalizzat b’mod fejn juru l-ħiliet tagħhom bil-mod kif jaffaċċjaw il-kriżi.

Kif qed taħdem il-kumpanija bħalissa?

Saliba spjega li l-impjegati tiegħu bħalissa qed jaħdmu b’mod remot u qed jagħmlu laqgħat bejn it-tim u mal-klijenti b’mod elettroniku. Qal li l-ħila tagħhom kienet tiffoka ħafna fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-istakeholders, inkluż il-midja lokali u l-klijenti, sabiex jikkomunikaw dawn il-messaġġi li se jagħmlu differenza f’dan iż-żmien.

Il-kumpanija baqgħet taqdi anke lil dawk il-klijenti li kellhom jissospendu l-operat tagħhom. Qalet li ovvjament din ħolqot xi ftit tensjoni fuq id-dħul tal-kumpanija nnifisha kif ukoll il-cash-flow tagħha.

Insista li l-industrija tal-komunikazzjoni hija waħda essenzjali u dan iż-żmien qed juri l-importanza tagħha b’mod aktar viżibbli. Qal li meta ma jkunx hemm komunikazzjoni effettiva, se jitħalla bħal vacuum li mbagħad jintela’ minn miżinformazzjoni. Sostna li jemmen li l-industrija ntlaqtet b’mod negattiv mill-kriżi kurrenti. Qal li għal żmien twil, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni li jsir permezz ta’ din l-industrija ma kienx qed jingħata l-valur neċessarju li kellu jingħata. Qal iżda li jifhem li ħafna drabi, ir-reazzjoni naturali tkun dik li wieħed jiffoka l-ewwel fuq in-negozji li kellhom iwaqqfu l-operat tagħhom b’mod ħesrem u komplet.

Bħalissa Malta tinsab għaddejja minn perjodu ta’ inċertezzi li fih qed ibatu ħafna negozji f’oqsma differenti. Il-Gvern sema’ wkoll il-karba tal-midja, li huwa qasam ieħor li laqqat daqqa ta’ ħarta f’dan iż-żmien hekk kif qed jaffaċċja telf kbir. B’rabta ma’ dan il-Gvern issa qal li se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lill-midja minħabba s-sitwazzjoni li ħoloq il-coronavirus.. Newsbook.com.mt flimkien ma’ 60 entità oħra kienu appellaw lill-Gvern biex jagħti widen lis-settur sabiex ikun jista’ jsalpa f’din il-maltempata.