Għamel tattoo ta’ martu rieqda u tonħor

Li tagħmel tattoo bl-immaġni ta’ martek hija tipikament xhieda għal dejjem tal-imħabba tiegħek lejha. Madankollu raġel mir-Renju Unit xellef din l-idea tal-imħabba meta għamel tpinġija ta’ martu b’waħda li  żgur mhix tas-soltu fuq koxtu.

James McGraw, ta’ 40 sena minn Portsmouth, li xogħlu hu li jnaddaf it-twieqi, ried jagħmel vendetta fuq martu Kelly talli qatgħetlu xagħru b’mod grottesk b’ċajta. Kien għalhekk li r-raġel għamel tattoo li turi lil martu rieqda fuq seat tal-ajruplan meta kienet rieqda b’ħalqha miftuħ. Ir-ritratt hu eżatt kif il-mara kienet tidher fir-ritratt li ħa bil-mobajl waqt li kienu bejn l-art u s-sema.

Din it-tpinġija għall-ewwel ma tantx intlaqgħet tajjeb minn Kelly u kellha kliem iebes xi tgħidlu. Għad li issa ilhom aktar minn 24 sena jagħmlu ċ-ċajt fuq xulxin, il-mara dehrilha li issa żewġha kien qabeż il-linja u ma tantx kellha aptit taħfirlu ta’ dak li għamel magħha.

Xi wħud qablu ma’ James u saħqu li bis-saħħà tat-tpinġija li għamel fuq ġismu wieħed seta’ jara kemm kienet kerha li wieħed jorqod b’ħalqu miftuħ … u mhux hekk biss, iżda li jonħor ukoll.

Imma Kelly, wara ftit ġranet bil-geddum ma’ żewġha, fl-aħħar kellha tammetti li t-tpinġija hija waħda li ddaħħakha u ma tistax ma tħarisx lejha bla ma titbissem. Minn naħa tiegħu James jinsab beżgħan għax ma jistax jimmaġina biex se toħroġlu maru biex tpattihielu.