Għalxiex trid toqgħod attent waqt Black Friday

Read in English.

Suppost li waqt Black Friday tiffranka l-flus. Imma din vera? Xi drabi naħsbu li nkunu għamilna xi bravura u ffrankajna l-flus iżda fil-verità dan ma jkunx dejjem il-każ.

Għalhekk qed nagħtukom xi pariri biex din is-sena tispiċċaw rebbieħa meta tagħmlu x-xiri tagħkom waqt black Friday.

1. Tmurx tixtri qabel il-data proprja

Hemm ħwienet, u dawk online, li jgħidu li għandhom prezzjiet speċjali qabel id-data proprja ta’ Black Friday li din is-sena li taħbat fid-29 ta’ Novembru. Għalkemm xi prezzijiet u roħs ikunu jidhru tajbin f’għajnejk, ikun għaqli li ma tmurx tixtri qabel id-data proprja għax dakinhar il-prezzijiet jitqaċċtu aktar. Naturalment dan ma jgħoddx jekk tibda tinkwieta li xi oġġett jista’ jinbiegħ qabel dakinhar.

2. Iċċekkjaw sewwa l-emails u aqraw tajjeb dak li jkun hemm miktub fihom

Mhux kull email tkun ġenwina. Hemm il-possibbiltà li jintbagħtu emails qarrieqa billi jieħdu l-isem u d-dettalji ta’ ħaddieħor. Dawn it-tip ta’ emails ikollhom link li tiħdok f’xi paġna fejn jitolbuk tagħti l-password jew id-dettalji pesonali tiegħek biex jisirquhomlok. Jew inkella il-link stess ikun fiha xi virus li jaffettwalek ħażin  il-mobajl jew il-kompjuter tiegħek. Iftaħ biss dawk l-emails li tkun mija fil-mija ċerta minnhom.

3. Mhux kull offerta tkun ġenwina

Kun ċerta li tiċċekkja dak li tkun trid tixtri qabel ma tikklikkja meta tixtri online, anki f’dawk is-siti li tafda fihom. Jekk mhux online ifli sew l-oġġett li tkun trid tixtri. Fuq siti li tafda fihom jista’ jkun hemm ukoll offerti finta minn kumpaniji oħra.

4. Oqgħod b’seba’ għajnejn meta tara offerti bi prezzijiet imnaqqas ħafna

Xi bejjiegħa għandhom mnejn jgħollu l-prezzijiet qabel Black Friday biex meta juru l-prezzijiet imnaqqsa fil-ġurnata proprja jkunu jidhru bi tnaqqis tal-għaġeb.

5. Ibża’ minn xi ħaġa li jgħidulek li hi b’xejn

Fil-ħajja kważi xejn ma hu b’xejn. Dejjem ikun hemm xi gidma moħbija meta jagħtuk xi ħaġa bla ma tħallas għaliha. Għalhekk attent!