Għaliex libsu ta’ buffi qabel il-logħba?

Ħafna staqsew għalfejn il-membri tat-tim Malti tal-futbol libsu mnieħer aħmar bħal tal-buffi jumejn qabel il-logħba tant mistennija kontra l-Ingilterra. 
Ritratt li qed idur fuq il-midja soċjali juri lill-membri tat-tim jippużaw flimkien, ilkoll jitbissmu, libsin imnieħer aħmar.
Il-membri tat-tim ħadu r-ritratt bħala parti mill-kampanja tal-NGO Dr Klown bl-isem Nose On.
Din il-kampanja qed issir bl-għan li jinġabru l-fondi biex l-għaqda tkompli tipprovdi t-taħriġ professjonali lill-klown doctors ta' esperjenza kif ukoll lil dawk ġodda li huma parti minn din l-għaqda.

Il-membri ta' Dr Klown jitħarrġu apposta bħala buffi li jżuru lit-tfal morda fl-Isptar bl-għan li joħolqulhom tbissima waqt żmien diffiċli.
Il-kampanja tinkoraġġixxi gruppi u individwi biex jixtru mnieħer aħmar minn fuq is-sit ta' Dr Klown permezz ta' donazzjoni, jilbsuh, jieħdu ritratt u jtellawh fuq Facebook.
Dan qed isir biex jiżdied l-għarfien dwar din l-NGO, li tiddependi fuq il-ġenerożità tal-pubbliku. 
Ritratt: Andre Schembri