​“Għalxejn nippuntaw subgħajna lejn xulxin” – AD

Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li filwaqt li Malta għadha taħt xokk wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-pajjiż mhu se jasal imkien jekk kulħadd jibqa’ jippunta subgħajh lejn xulxin. 
Huwa qal dan f’laqgħa li kellha delegazzjoni ta’ AD mal-Prim Ministru Joseph Muscat. 
Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva qal li attitudni bħal din qed twassal għal ħsara li ma tistax tissewwa fir-reputazzjoni ta’ Malta. 
Tkellem ukoll dwar il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, fejn qal li l-AD qed toffri l-appoġġ tagħha biex jitkompla dan il-proċess u sabiex jitwettaq għal ġid ta’ kulħadd. 
Intant il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat tkellem dwar l-impenn tal-gvern biex jagħmel il-Konvenzjoni Kostituzzjonali, meta qal li din kienet waħda mill-ftit affarijiet li ma rnexxilux iwettaq il-Gvern fl-aħħar leġiżlatura. 
Joseph Muscat qal li l-ikbar kwistjonijiet huma iktar dwar il-forma li se tieħu din il-konvenzjoni, għax il-bqija hemm ħafna iktar affarijiet li jgħaqqdu milli jifirdu. 
Tkellem ukoll dwar il-ħsieb tal-Partit Laburista li l-Konvenzjoni ma tkunx xi ħaġa tal-parlament biss, imma jkun hemm stil li jinvolvi firxa wiesgħa mis-soċjetà. 
Joseph Muscat qal li AD dejjem kienet meqjusa fil-kritika tagħha fil-konfront tal-Gvern jew tal-istituzzjonijiet tiegħu. Qal li l-kritika dejjem għandha tkun ġustifikata u mhux maħsuba biex timmina l-istituzzjonijiet.