Għalqet 40 sena u żżewġet lilha nnifisha

indy-100

It-Taljana, Laura Mesi għandha 40 sena u taħdem bħala fitness instructor. Hija għamlet patt magħha nnifisha li jekk ma ssibx il-persuna ideali għaliha sakemm tagħlaq erbgħin sena tiżżewweġ lilha nnifisha.
Wara li għamlet 20 sena tfittex, hija qatgħet qalbha u ddeċidiet li tiżżewweġ lilha nnifisha. It-tieġ kien wieħed bombastiku. Xtrat libsa tradizzjonali bajda għal aktar minn £8,700, kif ukoll ċurkett u kejk li fuqu għamlet figura waħda li tippreżenta lilha.
Għat-tieġ kien hemm mistiedna madwar 70 persuna u kien hemm ħafna ikel, xorb u żfin. Spikkaw il-fliexken tax-xampanja li fuqhom kien hemm miktub ‘single’. Laura marret żżur l-Eġittu għal qamar il-għasel.
Minkejja li tħossha kuntenta, Laura qalet li jekk xi darba tiltaqa’ mal-persuna ideali mhux se tiddejjaq li tiddivorzja lilha nnifisha għar-raġel li tkun tħobb.
F’kumment li tat lil La Repubblica, hija qalet li jekk issib ir-raġel ideali tippjana l-futur tagħha imma l-kuntentizza tagħha ma jiddependix minn dan. Temmen li persuna trid tkun kapaċi tħobb lilha nnifisha u tkun tista’ tgħix ħajja sabiħa anke migħajr raġel.