“Għallmuni nirreaġixxi kontra n-natura” – Michael Farrugia

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li bħala tabib tgħallem jirreaġixxi kontra n-natura. Fisser li l-mediċina wasslet biex tgħin lis-settur mediku biex tgħin lill-persuna bi problemi mediċi biex tfiq.
Spjega li persuni li sa ftit snin ilu kien ikollhom diżabiltà jew saħansitra kienu jmutu, l-avanzi mediċi matul iż-żmien wasslu biex ċertu kundizzjonijiet jiġu ttrattati u jsalvaw in-nies.
Minkejja li fl-2011 ġie ppreżentat rapport apposta minn Kumitat Parlamentari, skont il-Ministru Farrugia, l-amministrazzjoni preċedenti marret kontra dan ir-rapport.
Qal li għall-kuntrarju tal-abbozz ta’ liġi li sar fl-2011, il-Ministru qal li l-abbozz ippreżentat mill-Gvern din is-sena ġie wara working group interministerjali.
Ikkundanna lil dawk li qed jgħidu li bil-liġi preżenti “irridu noqtlu lill-embrijuni”.
“Kemm nixtieq jien ukoll nista’ ngħin lill-binti billi nġorrilha t-tarbija” – Agius Decelis

Fil-Parlament tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis.
Dwar il-kiri tal-ġuf, Agius Decelis qal li kieku bintu jkollha problemi ta’ tqala, hu jkun jixtieq li jgħinha billi jġorr lit-tarbija hu. Qal iżda li “sa issa” dan jistgħu jagħmluh in-nisa.
“Kemm nixtieq jien ukoll nista’ ngħin lill-binti billi nġorrilha t-tarbija jien iżda qal li sal-lum dan il-privileġġ jistgħu jagħmluh biss in-nisa.
Agius Decelis qal li it-tibdil li qed jipproponi l-Partit Laburista fil-Gvern, jista’ jseħħ għax għandu mandat elettorali b’saħħtu. Sostna li huwa konvint li t-tibdiliet isiru wkoll għax ma jridx li jċaħħad iċ-ċans li dawk li jixtiequh.
Fakkar kif din hija deċiżjoni ta’ tim magħqud għax il-Grupp Parlamentari Laburista se jivvota b’mod unanimu favur dawn l-emendi proposti.
Temm jgħid li jekk ma jivvutax favur dawn l-emendi ikun ipokrita.