Għallmu lit-tfal dwar l-imġiba li twassal għall-abbuż- Kummissarju Tfal

L-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li t-tfal għandhom, minn età żgħira, ikunu mgħallma dwar l-imġiba li tista’ twassal għall-abbuż.  
Fi stqarrija għall-Jum Ewropew dwar il-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali u mill-Abbuż Sesswali, l-Uffiċċju qal li fil-jiem li għaddew qassam kopji ta’ Kiko u l-Id lit-tfal kollha tal-Kinder 2. Dan hu ktieb bi storja għat-tfal, inkluż fuljett għall-ġenituri, li għandu l-għan li jgħin lill-ġenituri jidħlu f’diskussjonijiet ma’ wliedhom dwar x’inhi imġiba aċċettabbli u dik inaċċettabbli.
Skont l-Uffiċju, it-tfal kollha għandhom id-dritt jgħixu ħajja ħielsa minn abbuż li jista’ jħalli fuqhom effetti fit-tul. Kompla jgħid li mezzi teknoloġiċi bħall-Internet u l-midja soċjali qed iġibu magħhom sfidi ġodda għall-protezzjoni tat-tfal u għal din ir-raġuni, dan il-Jum Ewropew qed jiffoka fuq it-tema tal-Protezzjoni tat-tfal mill-isfruttament u l-abbuż sesswali li huma ffaċilitati mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
L-Uffiċċju saħaq li jemmen li l-internet joffri opportunitajiet infiniti lit-tfal u li t-tfal kollha għandu jkollhom aċċess għall-internet. Madanakollu, l-adulti għandhom id-dmir li jiżguraw li t-tfal jużaw l-internet b’mod sigur.
L-Uffiċċju avża li kull min jaf b’abbuż li qed jsir fuq xi tfal, għandu jirrporta dan fuq in-numru 179.
Fi stqarrija separata, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li ħeġġeġ lill-iskejjel u entitajiet oħra biex jiċċelebraw il-Jum Dinji tat-Tfal.
Skont l-istess Uffiċċju, aktar minn 60 skola primarja, medja, u sekondarja tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti, laqgħu s-sejħa tal-Uffiċċju. Fost l-inizjattivi organizzati mill-iskejjel kien hemm jum bla homework, laqgħat speċjali tal-istudenti, workshops dwar l-ikel sustanzjuż, attivitajiet sportivi, logħob, crafts, diskussjonijiet, u attivitajiet li jħaddnu d-diversità u l-inklużjoni.