Aġġornata (2): 30,000 ħaddiem b’żieda fil-paga, il-PN jgħid li se jżomm il-ftehim

Għalliema, infermiera u periti huma fost it-30,000 ħaddiem taċ-ċivill li se tiżdidilhom il-paga.
Dan hekk kif il-Gvern iffirma ftehim kollettiv ta' tmien snin mal-unjins li jirrappreżentawhom.
Il-ftehim, li ġie ffirmat waqt konferenza tal-aħbarijiet, huwa l-ħames wieħed mill-1996 u se jiswa €17-il miljun għall-ewwel sena u jibqa’ jiżdied sa €20.5miljun sal-2024.
Il-ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fis-salarji, kif ukoll f’allowances li jingħataw għall-kwalifiċi u bidliet fix-shifts.
Il-Prim Ministru jindirizza lill-ġurnalisti iżda ma jiħux domandi
Fl-indirizz tiegħu waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha l-ġurnalisti ma setgħux jistaqsu mistoqsijiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li s-surplus li għamel il-Gvern kien importanti imma dan ma jfisser xejn jekk il-ħaddiema ma jiggwadanjawx mill-ekonomija b’saħħitha.
Dr Muscat saħaq li l-ftehim irid iwassal il-messaġġ dwar il-kwalità tal-ħajja tan-nies u biex ikomplu jissaħħu d-drittijiet.
B’rabta ma’ dan il-ftehim, Joseph Muscat qal li qed jistenna l-ħaddiema jikkontribwixxu aktar sabiex tonqos il-burokrazija.
Saħaq li jekk il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ma jkunux tajbin, u li jagħtuhom kunfidenza, qatt ma jista’ jkun hawn servizz pubbliku ta’ kwalità.
Żied jgħid li qed issir ħidma wkoll sabiex ikun hemm aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u l-ħajja privata.
Dwar il-prekarjat, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jkompli jaħdem sabiex dan jinqata’ għalkollox.
"Il-PN jirrispetta l-ftehim u jindirizza l-inġustizzji" – Il-PN
Il-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss jirrispetta l-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku iżda jindirizza l-inġustizzji.
Fi stqarrija, il-PN qal li din il-leġiżlatura kienet ikkaraterizzata minn sensiela ta’ inġustizzji fejn ħaddiema ngħataw il-ġenb, u sofrew minn diskriminazzjoni mill-ogħla awtoritajiet taċ-Ċivil. 
Qal li l-ħaddiema taċ-Ċivil ikollhom rashom mistrieħa li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom se jkunu qed jissaħħu u jingħataw aktar drittijiet.
Temm jgħid li fost l-oħrajn, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil diġà mpenja ruħu li jdaħħal il-prinċipju ta’ equal pay for equal work, u tiġi indirizzata l-inġustizzja kbira li teżisti bejn il-ħaddiema. 
Ll-unions li ffirmaw dan il-ftehim huma l-General Workers’ Union (GWU), il-Kamra Maltija tal-Psikologi (MCP), il-Union Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), il-Union Maltija tal-Għalliema (MUT), l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM), UĦM – Voice of the Workers, u l-Union tal-Periti u l-Inġiniera tas-Servizz Pubbliku.

“Il-Proposti tal-UĦM ġew milqugħa kollha” – UĦM
Il-UĦM Voice of the Workers qalet li l-proposti kollha ġew milqugħa kollha.
Fi stqarrija l-UĦM qalet li l-ftehim ġie ffirmat erba’ xhur wara li skada dak ta’ qabel.
Spjegat li l-ħaddiema kollha tal-Gvern se jibbenefikaw minn żidiet fil-pagi tul it-tmien snin kollha, inkluż din is-sena b’retroattivita’ mill-1 ta’ Jannar 2017.
 
Ritratt: Ian Noel Pace