Għalliema tinqatel minn omm quddiem it-tfal tal-klassi

Għalliema fi Franza inqatlet minn omm ta’ studenta quddiem it-tfal tal-klassi tagħha. Il-każ seħħ f’Albi fin-nofsinhar ta’ Franza fejn l-għalliema ta’ 34 sena ġiet attakkata minn waħda mill-ommijiet tat-tfal li kienet tgħallem. Din l-omm ta’ 47 sena ġiet arrestata fid-dar tagħha ftit ħin wara d-delitt.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni Franċiż qal li l-omm kellha problemi serji psikjatriċi u li l-għalliema nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina fil-klassi.
Tkellem ukoll dwar il-każ il-President Francois Hollande li qal li se tingħata l-akbar attenzjoni lit-tfal u lill-għalliema f’din l-iskola li raw din it-traġedja quddiem għajnejhom.
Dan id-delitt sar fl-aħħar ġurnata qabel il-waqfa tal-vaganzi tas-sajf. It-tfal li kienet tgħallem kellhom ħames snin.