Għalliema teduka studenti dwar is-saħħa mentali waqt pandemija

Għalliema lokali ddeċidiet li tagħmel il-parti tagħha biex tgħin l-istudenti jħarsu s-saħħa mentali tagħhom qalb il-pandemija. Dan partikolarment fil-perjodu fejn huma kienu qed jintalbu biex ma joħorġux mid-dar wara li ngħalqu l-iskejjel.

Permezz ta’ website, Susanne Mifsud Triganza, li tgħallem fl-iskola primarja ta’ San Ġwann, iddeċidiet li tuża l-karattru ta’ kelb labrador bl-isem ta’ Ronnie li ta’ kuljum deher jagħti pariri lit-tfal dwar x’jistgħu jagħmlu biex iżommu ruħhom attivi, biex jibqgħu f’saħħithom fiżikament u mentalment, kif ukoll kif jieħdu pjaċir.

Meta wieħed iħares lejn is-sit, se jsib total ta’ 46 attività jew tipi ta’ informazzjoni differenti għat-tfal. Fl-ewwel daħla, Ronnie spjega lit-tfal dwar l-importanza li jagħmlu xi ftit eżerċizzju, l-għada qasam magħhom riċetta sempliċi li forsi jistgħu jagħmlu huma stess id-dar. Tqassmu wkoll ideat ta’ krafts edukattivi, bħal kif wieħed jista’ juża flixken tal-plastik billi jiżra fihom pjanti jew kif jagħmlu basket minn flokkijiet antiki.

L-għan aħħari kien biex l-għalliema tgħin lit-tfal jibqgħu fi stat ta’ saħħa mentali tajba. Il-pandemija affettwat b’mod negattiv lill-komunità kollha, iżda forsi għat-tfal, kienet tkun kemmxejn iktar diffiċli li jifhmu x’inhu jiġri. Permezz ta’ dan is-sit, inkoraġġiethom ikomplu għaddejjin bl-attivitajiet li normalment kienu jagħmlu fl-iskola, iżommu l-kreattività tagħhom ħajja u lilhom innifishom b’saħħithom.

Tista’ taċċessa s-sit minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn