Għalliema tal-Kinder f’Għawdex jitħarrġu dwar l-ambjent

50 għalliem tal-Kinder f’Għawdex, mill-iskejjel kollha fil-gżira, attendew ġimgħa taħriġ minn BirdLife Malta bil-għan li jakkwistaw iktar ħiliet marbuta mal-ambjent biex jgħadduhom lill-istudenti żgħar.
Ingħataw ukoll riżorsi filwaqt li ħarġu b’ideat ġodda li jistgħu jużaw fil-klassi u barra mill-bini tal-iskola.
Waqt dan it-taħriġ, ġew diskussi diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom għalliema tal-Kinder, fosthom in-nuqqas ta’ sigurtà f’ċerti nħawi tal-kampanja biex fihom jittieħdu t-tfal tal-Kinder.
Il-Maniġer Edukattiv ta’ BirdLife Malta, Hannah Chisholm, qalet li l-organizzazzjoni se ttejjeb il-programm tagħha “Dinja Waħda” b’iktar riżorsi, permezz tal-programm Erasmus+ b’fondi Ewropej.
Spjegat li l-aċċess għan-natura u l-ispazji fil-miftuħ jagħtu lit-tfal benefiċċji psikoloġiċi, emozzjonali u fiżiċi fosthom l-ħila li jikkonċentraw, itejbu r-riżultati tagħhom fl-iskola, inaqqsu l-istress u l-livelli ta’ aggressività, u jnaqqsu r-riskju ta’ obeżità. 

Ritratt: Hannah Chisholm