Aġġornata: Għalliema tal-ITS imġiegħla jgħallmu suġġetti li ma jridux

Aġġornata 9pm

Wara laqgħa li kellhom mal-Ministeru għat-Turiżmu, kemm il-Union tal-Għalliema, l-MUT u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ddikkjaraw li ġew riżolti d-differenzi li nqalgħu fir-rigward tas-suġġetti mgħallma u kwistjonijiet oħra.

Barraminhekk il-Management tal-ITS u l-MUT qed jaqblu li l-ITS se jkun qed jiċċara xi diffikultajiet li għadhom pendenti.

Aktar kmieni:

Il-Unjin tal-Għalliema (MUT), tinsab imħassba dwar il-fatt li numru ta’ għalliema tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) qed ikollhom jgħallmu suġġetti li ma applikawx għalihom u li mhumiex kompetenti fihom.

Fi stqarrija l-MUT qalet li tinsab infurmata li l-għalliema qed ikunu mġiegħla jiffirmaw li jaċċettaw li jgħallmu ċertu suġġetti u li huma lesti jgħallmu suġġetti oħra li tqabbadhom l-ITS.

Intant l-MUT kitbet lill-Ministru tat-Turiżmu jinvestiga dan il-każ sabiex jieqfu dawn l-irregolaritajiet b’mod immedjat u jittieħdu passi kontra min qed iwettaq dan l-abbuż.