Għalliema tad-diving mhux ħatja tal-mewt ta’ bugħaddas

Għalliema tad-diving ma nstabitx ħatja wara li kienet akkużata li kkawżat il-mewt ta’ raġel Pollakk waqt li kienet qed tmexxi grupp ta’ għaddasa b’esperjenza fuq spedizzjoni. Il-Pollakk miet f’April tal-2016 waqt li kien fuq spedizzjoni taħt l-ilma ma’ grupp ta’ bugħaddasa.

Il-grupp mar barra minn triqtu hekk kif kellhom jitilgħu f’wiċċ l-ilma wara li wieħed minnhom ma kellux biżżejjed arja. Uħud mill-għaddasa irnexxielhom jgħumu sax-xatt iżda uħud kellhom jiġu salvati permezz ta’ ħelikopter. Il-Pollakk ma kienx konxju fil-ħin li tela’ f’wiċċ l-ilma. L-isforzi kollha li saru mill-għalliema tad-diving biex issalva lill-Pollakk issarrfu fix-xejn.

Aktar tard il-patoloġisti kkonfermaw li l-kawża tal-mewt tal-bugħaddas kien il-fatt li telgħu f’wiċċ l-ilma f’ħin qasir ħafna. Il-Qorti rat li l-proċeduri kollha qabel ma saret l-espedizzjoni kienu ttieħdu u tenniet li l-għalliema ma setgħetx tkun taf minn qabel li kien se jkollhom jitilgħu f’wiċċ l-ilma b’emerġenza.

Il-Qorti ma sabet l-ebda evidenza li turi li l-inċident kien tort tal-għalliema tad-diving u għalhekk ddikjaratha mhux ħatja.