Għalliema ordnati ma jistampawx materjal fl-istamperija tal-Gvern

L-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) ħarġet direttiva fejn ordnat lill-għalliema sabiex ma jibgħatux ir-riżorsi li għandhom bżonn jagħmlu kopji tagħhom fl-istamperija tal-Gvern. Direttiva oħra ordnat sabiex l-għalliema li diġà għandhom ħinhom mimli bix-xogħol ma jaċċettawx xogħol żejjed li jista’ jiġi mitlub minnhom.

Dawn id-direttivi nħarġu wara sensiela ta’ laqgħat mal-entitajiet u l-Ministeri konċernati li ma wasslux għal deċiżjoni sodisfaċenti għal dawn l-għalliema.

L-unjin kienet sostniet li l-għalliema u edukaturi oħra għandhom jiġu trattati ta’ professjonisti. Għaldaqstant irrimarkat li l-awtonomija fejn jidħlu l-preparamenti tal-materjal tagħhom. L-Unjin insistiet li l-għalliema għandhom jiġu pprovduti b’apparat adegwat biex jagħmlu kopji tal-materjal fl-iskejjel stess.

Fl-istqarrija, l-Unjin insistiet li bosta għalliema jispiċċaw jagħmlu ħafna xogħol li jwassal sabiex jibqgħu jaħdmu għal ħin twil wara s-siegħat li jgħallmu fl-iskejjel. Dan jirriżulta mill-fatt li bosta għalliema jkollhom jagħtu massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa minħabba problem fit-time tables tal-istudenti. L-għalliema li qed jiġu affettwati huma dawk tal-Malti u tal-Matematika. Irrimarkaw kif l-unika deċiżjoni li l-Ministeru għall-Edukazzjoni ħa f’dan ir-rigward kienet li ssuġġerixxa lill-Kapijiet tal-iskejjel sabiex ma jagħtux il-massimu tal-ammont ta’ lezzjonijiet lill-għalliema fl-iskejjel tagħhom.

Għaldaqstant, dawn l-għalliema li għandhom massimu ta’ 25 lezzjoni fil-ġimgħa qed jintalbu sabiex ma jattendu l-ebda laqgħa, ma jkunux involuti fil-gruppi tas-Social Development Plan u li ma jaċċettawx li jkunu Form Teachers.