Għalliema mistoqsija jekk hux se jkollha tfal, il-Gvern isejjaħ għal investigazzjoni

Il-Gvern, permezz ta' stqarrija qal li se jkun qed iniedi investigazzjoni biex jiġi ċċarat il-każ fejn għalliema allegatament ġiet mistoqsija jekk hix beħsiebha jkollha t-tfal waqt intervista għal xogħol.
Dan wara li aktar kmieni llum, il-President tal-MUT, Kevin Bonello qal li l-Unjin tirċievi diversi lmenti dwar dawn il-prattiċi llegali.
Wara stqarrija oħra li ħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda investigazzjoni dwar dawn “l-allegazzjonijiet serji”.
Il-Ministeru qal li jekk dawn l-allegazzjonijiet jiġu kkonfermati, il-Gvern se jkun qed jieħu azzjoni kontra min wettaq dan l-att.
Is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru bagħat ittra lill-MUT biex l-Unjin tikkolabora biex issir investigazzjoni kif suppost.