Għalliema mħeġġa jużaw il-kikkri tagħhom minflok tal-plastik

Matul din is-sena l-Iskola Medja f’ Bormla li tagħmel parti mill-Kulleġġ Santa Margerita, ħadet l-inizjattiva biex jiġi eliminat l-użu tal-boroż tal-karti, frieket, skieken, tazzi tal-plastik u kontenituri tal-fojl li kienu jitqassmu lill-istudenti u l-istaff fil-ħanut tal-ikel tal-iskola. Fi stqarrija l-iskola spjegat li dan il-pass qed jiġi applikat ukoll għal meta jkun hemm xi okkażjoni fl-iskola, kif ukoll fil-magna tal-kafé fejn l-istaff hu mħeġġeġ juża l-kikkra personali tiegħu.

Din l-inizjattiva kienet appoġġjata mil-Kap tal-Iskola fejn wasslet il-messaġġ lill-istudenti biex titqajjem kuxjenza dwar il-vantaġġi li hemm wara din l-inizjattiva. Żiedu li l-istudenti għarfu li b’inqas konsum ta’ plastik ikunu qed inaqqsu l-impatt negattiv fuq il-ħajja marittima fejn fost oħrajn imutu fkieren li l-plastik jaħsbuh ikel jew jinqabdu fih. Sabiex jiżdied l-għarfien l-istudenti kellhom ukoll taħdita mmirata fuq l-effetti ħżiena li jħalli l-plastik mormi u dwar l-importanza li kull sforz individwali jgħodd tant li kulħadd għandu sehem importanti f’din id-differenza għal ambjent aħjar.

Spjegaw li huwa kkalkulat li l-iskart minn kontenituri tal-fidda naqas b’200 biċċa fix-xahar, filwaqt li naqas ukoll ammont konsiderevoli ta’ skart minn boroż tal-karti, frieket, skieken u tazzi tal-plastik.

L-iskola Medja ta’ Bormla qed tipparteċipa fis-separazzjoni tal-iskart, il-bini huwa mgħammar b’kontenituri apposta fejn l-istudenti u l-istaff jiddisponu minn materjal riċiklabbli.