Għalliema mħallsa paga miżera fi Skola Sajf

L-Unjin għall-Edukazzjoni Professjonali wriet it-tħassib tagħha dwar il-paga tal-għalliema fi Skola Sajf.

Il-paga tal-għalliema hija ta’ €5.91 fis-siegħa, rata ekwivalenti għal impjiegi oħra fl-industrija tal-ospitalità. L-Unjin żiedet li jekk l-għalliema mhux se jitħallsu sewwa, l-MEDE u l-FES se jibqgħu jaffaċċjaw l-istess problema ta’ kull sena.

L-Unjin kienet sorpriża li l-MUT ma ħaditx azzjoni fis-snin li għaddew biex tiggarantixxi paga aħjar għall-għalliema.

L-UPE rċeviet numru ta’ rapporti f’dawn l-aħħar ġranet li m’hemmx preparazzjoni tajba min-naħa tal-FES u l-MEDE fi Skola Sajf.

In-nuqqas ta’ tħejjija amministrattiva qed iwassal għal nuqqas ta’ interess mill-għalliema, x’aktarx minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena u l-paga baxxa, tant li din is-sena ma applikawx biżżejjed għalliema għan-numru ta’ studenti.

L-FES u l-MEDE huma mistennija li jħabbtu wiċċhom ma’ klassijiet b’wisq studenti u nuqqas ta’ impjegati, bil-possibbiltà li jirreżenjaw iżjed nies, ifallu jew ikunu bil-vaganzi.

L-Unjin li tirrappreżenta lill-ħaddiema qiegħda tappella lin-nies responsabbli sabiex jiżguraw li l-faċiltajiet neċessarji jkunu disponibbli għall-membri tagħha, kif ukoll li ma jkunx hemm klassijiet mimlijin iżżejjed.

L-għalliema li jixtiequ jiddiskutu s-sitwazzjoni tagħhom huma msejħa biex jikkuntattjaw lill-Unjin li hi lesta li titkellem mal-FES u l-MEDE f’isimhom.