Għalliema mġiegħla jużaw toilets barra l-iskola f’Raħal Ġdid; Il-Ministeru jwieġeb lill-MUT

Aġġornat 05:09 PM

L-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħabbret li beħsiebha tieħu azzjoni industrijali jekk is-sitwazzjoni fl-iskejjel primarji f’Raħal Ġdid ma tirranġax ruħha, peress li minħabba l-pressa tal-ilma f’dawn l-iskejjel, l-għalliema qed ikollhom jużaw toilets barra l-iskola.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li tat lill-Ministeru għall-Edukazzjoni ċans sa nhar il-Ġimgħa li ġej biex isolvi din is-sitwazzjoni. Jekk ma jagħmilx dan, hija toħroġ direttiva lill-edukaturi kollha f’dawn iż-żewġ skejjel biex nhar it-Tlieta li ġej ma jidħlux għax-xogħol.

Fl-Iskola Primarja A u fl-Iskola Primarja B il-faċilitajiet sanitarji huma “prattikament inutli,” sostniet l-MUT, minħabba problema fil-pressa tal-ilma li ilha għaddejja x-xhur. Hija saħqet li dan in-nuqqas mhux biss huwa ta’ periklu għall-għalliema, imma anke għall-istudenti li jattendu f’dawn l-iskejjel, speċjalment f’perjodu meta l-awtoritajiet qegħdin jirrakkomandaw li l-istudenti jaħslu jdejhom ta’ sikwit biex jevitaw li jimirdu.

Mid-dehra, dan qed iwassal biex jitħassru xi lezzjonijiet ukoll.

“Il-provvista tal-ilma f’Raħal Ġdid qed taħdem kif suppost” – WSC

B’reazzjoni, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qalet li l-provvista f’Raħal Ġdid qed taħdem kif suppost u m’hemmx problemi. Stqarret li jekk jeżistu problemi fl-iskejjel imsemmija, dawn mhumiex kawża ta’ ħsarat fl-infrastruttura tal-Korporazzjoni, iżda huma ħsarat interni.

Il-Ministeru jgħid li sab soluzzjoni temporanja

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li dalgħodu l-problema ġiet indirizzata temporanjament u ttieħdu l-azzjonijiet għal soluzzjoni permanenti.

Fi stqarrija ġie spjegat li minħabba li l-pressa tal-ilma li tidħol fl-iskola mhix b’saħħitha, ma kienx qed jitla’ ilma fit-tankijiet tal-iskola li wassal biex l-ilma tat-tankijiet spiċċa u t-toilets ma setgħux jintużaw. Minn dalgħodu, it-tankijiet imtlew u t-toilets kollha tal-iskola setgħu jintużaw, mhux biss illum imma kuljum, għax twaħħlet pompa temporanjament sakemm fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu installati pompi permanenti.