Arrestata f’darha għalliema li trattat ħażin lit-tfal f’Turin

Għalliema ta’ skola primarja fl-Italja tinsab taħt arrest f’darha f’Turin wara li trattat ħażin numru ta’ tfal skont il-ġurnal Ansa.

Skont l-investigazzjonijiet, il-mara li għandha 45 sena beżżgħet ukoll lit-tfal sabiex ma jirrappurtawx dak li kienet qed tagħmlilhom lill-ġenituri tagħhom għax inkella jkun hemm “konsegwenzi serji”.

L-investigazzjon bdiet fil-Ħarifa meta ġenituri rrappurtaw abbuż li kienu qed isofru wliedhom li saħansitra ħallewhom joħolmu ikrah, jagħmlu taħthom fl-irqad bil-biża’ u kienu jibku u jinsistu li ma jridux imorru l-iskola fil-ġranet meta kienu jkunu jafu li se jiltaqgħu mal-għalliema partikolari. Dan ħareġ minn testimonjanzi li taw il-ġenituri lill-Pulizija. Ġie spjegat li l-għalliema kienet tirrifjuta li tħalli lit-tfal imorru t-toilet bil-konsegwenza li dawn jagħmlu taħthom fil-klassi. Hi kienet imbagħad iġġiegħlhom inaddfu l-ħmieġ tagħhom bit-toilet paper.

Ġenitur partikola spjegat li biex l-għalliema tbeżża’ lit-tfal kienet anke twaddbilhom it-tazza li fiha kienet iżżomm il-lapsijiet.