Għalliema Kattoliċi f’Zambia se jdaħħlu spirtu Kattoliku fl-iskejjel

L-għalliema Kattoliċi li ħadu sehem fil-laqgħa

Aktar minn 100 għalliem Kattoliku fid-djoċesi ta’ Mongu fiż-Zambia, iffurmaw assoċjazzjoni bl-iskop li jdaħħlu spirtu kattoliku fl-iskejjel tad-djoċesi li huma mmexxija mill-Knisja.

Skont Fr Wilfred Hodari, is-Segretarju Edukattiv tad-djoċesi ta’ Mongu, dawn l-għalliema Kattoliċi mpenjaw ruħhom li jiffurmaw l-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Kattoliċi tad-Djoċesi ta’ Mongu.  Din id-deċiżjoni ttieħdet wara jumejn ta’ laqgħat li saru f’din l-istess belt.

L-Assoċjazzjoni għandha l-iskop li tgħin għalliema jikbru fil-formazzjoni tal-fidi tagħhom biex imbagħad huma jkun jistgħu jagħmlu l-istess tal-istudenti tagħhom.

Jum l-Għalliema Kattoliċi

Fl-istess laqgħa kien deċiż ukoll li ġurnata fis-sena jkun ċelebrat Jum l-Għalliema Kattoliċi fid-djoċesi ta’ Mongu.

L-Isqof Evans Chinyemba, li jmexxi din id-djoċesi, fetaħ il-laqgħa ta’ jumejn li fiha ħadu sehem ukoll Fr. Kodari mill-istess djoċesi; Is-Segretarju Edukattiv tad-djoċesi ta Livingstone, Fr. Kebby Luwaya; Dr. Stephen Chishiko, Uffiċjal Edukattiv tal-Gvern kif ukoll numru ta’ edukaturi veteran u l-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja tad-djoċesi.

Il-Knisja Kattolika f’Zambia għandha diversi skejjel u istituzzjonijiet edukattivi f’kull livell.

B’kollox, seba’ mill-ħdax il-distrett li jiffurmaw id-djoċesi ta Mongu kienu rappreżentati f’din il-laqgħal tal-għalliema.  Mongu tinsab fil-Puntent ta’ Zambia.

Fil-pajjiż hemm diversi skejjel tal-Gvern, filwaqt li l-iskejjel tal-Knisja jirċievu għajnuna mill-Gvern kif jirċivu wkoll skejjel oħra private.  Dan jgħodd ukoll għal Universitajiet u istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Għolja.