Għalliema jħallsu parti mill-paga lura minħabba żball

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) qed titlob lil dawk kollha li ħadmu magħha bejn Jannar u Diċembru tal-2017 iħallsu lura ammont tal-flus mill-paga wara żball li sar meta kienu qed jinħadmu ċ-ċifri tal-leave.
Kelliem għall-FES tkellem ma’ Newsbook.com.mt fejn qal li l-iżball seħħ minħabba li kien hemm xi setting u inputting ħżiena fis-sistema tal-payroll u minħabba f’hekk ġie ġġenerat aktar vacation leave milli suppost għan-numru ta’ sigħat li l-ħaddiema suppost jaħdmu.
Mistoqsija dwar iċ-ċifri li huma dovuti lura minn dawn il-ħaddiema, l-FES stqarret li jibdew minn €2.17 u jibqgħu tilgħin sa €473.14. Madanakollu saħqu li l-aħħar każ huwa wieħed iżolat. Il-medja ta’ rifużjoni hija ta’ 70 ewro.
L-FES qalet li dan l-iżball sar biss fil-konfront tal-ħaddiema fuq bażi part time irregular hours, u għaldaqstant insistiet li ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex dan it-tip ta’ żball ma jerġax isir.
Minkejja li l-FES hija konxja li l-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema huma studenti ta’ ‘l fuq minn 18-il sena, tgħid li huma tħallsu minn fondi pubbliċi u għaldaqstant qed isegwu direzzjonijiet sabiex il-flus jinġabru lura. Madanakollu rrimarkaw li l-ħaddiema tħallsu għax-xogħol kollu li għamlu tul is-sena.
L-FES ikkonfermat li bosta qed jikkoperaw magħha u qed iħallsu lura l-flus żejda li rċevew.
Filwaqt li talbet il-koperazzjoni ta’ dawk kollha kkonċernati, fl-ittra, l-FES speċifikat ukoll il-metodi ta’ kif għandhom jitħallsu l-flus lura li jinkludu pagament immedjat u sħiħ, jew inkella pagamenti ta’ €50 fix-xahar sakemm jitħallas l-ammont dovut.
Xi tgħid l-ittra mibgħuta mill-FES?

Ritratt: Facebook