Għalliema għal tfal b’diżabilità mħeġġa jgħallmu klassijiet tradizzjonali – CRPD

children-going-to-school
Miguela Xuereb

L-edukaturi li fil-passat kienu joffru s-servizzi tal-early intervention għal tfal b’diżabilità qed ikunu nkoraġġuti biex japplikaw għal xogħol fl-edukazzjoni tradizzjonali minħabba nuqqas ta’ għalliema disponibbli.

Dan spjegatu ma’ Newsbook.com.mt il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) li qalet li fl-aħħar ġimgħat, minkejja l-isforzi tagħha fl-aħħar xhur, saret taf li l-edukaturi tal-early intervention qed jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn ikollhom jgħażlu bejn li jibqgħu fl-irwol tagħhom jew jimxu għall-edukazzjoni tradizzjonali. Il-Kummissjoni qalet li ma taqbilx ma’ dan l-aġir hekk kif is-servizzi li jkunu offruti minn dawn il-persuni huma essenzjali fl-iżvilupp ta’ tfal b’diżabilità.

Mitlub għal kumment dwar is-sitwazzjoni kurrenti, il-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna qal ma’ Newsbook.com.mt li filwaqt li l-Kummissjoni tifhem iċ-ċirkostanzi straordinarji li jinsab fihom il-pajjiż, dawn is-servizzi tal-early intervention ma jistgħux jitqiesu bħala servizzi sekondarji. Insista li dawn huma parti essenzjali mill-edukazzjoni ta’ studenti speċifiċi. “Il-Kummissjoni toġġezzjona din il-miżura u tħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli biex jevalwaw mill-ġdid is-sitwazzjoni u jipprovdu lil dawn l-istudenti s-sapport kollu meħtieġ biex jiksbu d-dritt bażiku tagħhom għall-edukazzjoni,” temm jgħid Scicluna.

“Qed ikolli nħallas biex nikseb is-servizzi b’mod privat” – omm

Min-naħa l-oħra, omm ta’ tifla ta’ sena u nofs, li għandha bżonn l-użu tas-servizzi offruti mill-edukaturi tal-early intervention spjegat ma’ Newsbook.com.mt li bintha ilha ma jkollha aċċess għal dawn is-servizzi minn Marzu li għadda. Spjegat li minħabba n-nuqqas ta’ dawn is-servizzi, l-omm qed ikollha toħroġ il-flus minn butha biex tara li bintha tirċievi s-servizz li s-soltu jkun ipprovdut mill-Gvern, mill-privat. Hi kompliet tgħid li l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-Gvern f’dan l-istadju hu li jagħti għajnuna finanzjarja lill-ġenituri ta’ tfal b’diżbilità sabiex ikunu jistgħu jiksbu dan is-servizz b’mod privat. Irrimarkat li mhux kulħadd jaffordja jħallas għal dawn is-servizzi partikolarment f’perjodu fejn kien hemm persuni li tilfu l-post tax-xogħol tagħhom, jew naqsitilhom il-paga kawża tal-pandemija.

L-ispejjeż biex dawn is-servizzi tiksibhom b’mod privat, qed ikomplu jżidu mal-ispejjeż li diġà għandha fejn jidħlu terapiji normali oħrajn li sostniet li l-ispiża tagħhom tvarja bejn €25 u €40 fis-siegħa. Qalet li ċerti tfal b’diżabilità għandhom bżonn aktar għajnuna biex jitgħallmu ċerti ħiliet bażiċi għall-ħajja. Jekk ma jieħdux dan it-taħriġ, jista’ jkun hemm konsegwenzi xejn sbieħ fuq il-futur tagħhom. Kompliet tgħid li mhux ġust li dawn l-edukaturi qed jitpoġġew f’sitwazzjoni fejn ikollhom jagħżlu bejn liema studenti għandhom jaqdu.

X’ġara f’Ottubru?

Ix-xahar li għadda is-CRPD ħarġet stqarrija li l-miżuri tal-coronavirus ma jistgħux jiddaħħlu għas-skapitu ta’ studenti li għandhom xi diżabbilità. Il-Kummissjoni kienet qalet li kienet ġiet mgħarrfa li numru ta’ għalliema li jipprovdu servizzi speċifiċi, bħal għalliema għal tfal li huma neqsin mid-dawl u s-smigħ, is-servizzi tal-early intervention u servizzi oħrajn provduti min-National School Support Services (NSSS), kienu se jkunu qed jitwaqqfu minħabba l-pandemija u loġistika.

Il-Kummissjoni kienet ġiet infurmata li dawn l-edukatri, minflok se jkunu qed jassistu l-edukazzjoni tradizzjonali minħabba li l-klassijiet tqassmu f’bubbles iżgħar u b’hekk hemm bżonn ikbar ta’ għalliema.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kien bagħat ir-reazzjoni tiegħu dwar dan is-sitwazzjoni lil din il-kamra tal-aħbarijiet. Hu kien qal: “Wara li l-Ministeru ser ikun qed jara li l-klassijiet kollha għandhom għalliema, ser issir evalwazzjoni tas-servizzi kollha offruti sabiex jiġi assigurat li l-istudenti jibqgħu jingħataw is-servizzi. Dan ser isir fil-jiem li gejjin skont il-protokoll u l-pariri tal-awtorità tas-saħħa. Ftaħna l-iskejjel l-ewwel bl-edukaturi, illum bl-istudenti u fil-jiem li ġejjin bis-servizzi meħtieġa lill-istudenti.”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jwieġeb…

Newsbook.com.mt bagħat diversi mistoqsijiet dwar is-suġġett lill-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar is-sitwazzjoni. Il-kelliem għall-Ministeru spjega li minħabba l-linjigwida għall-istituzzjonijiet edukattivi, il-klassijiet kellhom jinfetħu u jitqassmu fi gruppi differenti. Dan b’mod speċjali fi skejjel primarji. Sostna li minħabba l-ħtieġa ta’ aktar għalliema, anki wara li ġew ingaġġati l-għalliema kollha li kellhom riżultati pendenti, kien hemm bżonn ta’ aktar għalliema. B’hekk, l-għalliema li jagħtu servizz fil-Primarja f’suġġetti bħal arti, etika, mużika, PE u PSCD u dawk l-edukaturi li joffru s-servizzi tal-early intervention u l-anti-bullying fost l-oħrajn, kienu meħtieġa li jassistu l-klassijiet tradizzjonali.

Il-kelliem qal li b’hekk, fit-2 ta’ Ottubru ħarġet sejħa ta’ interess għal dawn l-għalliema biex juru l-interess tagħom. Qal li wara din is-sejħa t’interess, fejn xorta waħda ma kienx hemm biżżejjed għalliema għall-ammont ta’ klassijiet li nfetħu, l-għalliema ġew mitluba, skont is-seniority u bi qbil mal-MUT, biex jieħdu klassi tal-Primarja.

Hu kompla billi qal li bħalissa għaddejja diskussjoni mal-MUT biex l-għalliema Paripatetiċi u tas-servizzi fil-Primarja, li ma ħadux klassi minħabba l-esiġenza u li fil-ġimgħat li għaddew assistew bħala għalliema sostitwiti, se jkun qed jiġi maqbul kif is-servizzi jistgħu jiġu implimentati għall-ġid tal-istudenti.

Il-Ministeru ma kkonfermax id-data ta’ meta dawn is-servizzi se jkunu qed jirritornaw u lanqas x’se jiġri fid-dawl li diversi minn dawn l-għalliema aċċettaw li jimxu għall-edukazzjoni tradizzjonali u b’hekk ħallew vojd fejn jidħlu s-servizzi li kienu joffru qabel. Lanqas ma kien ikkonfermat x’inhu l-ammont ta’ għalliema li għad hemm bżonn li jiġu ingaġġati biex tintlaħaq id-domanda għall-klassijiet tradizzjonali kollha.