“Għalliema f’riskju li jinqabdu bla karozza” – MUT

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) sostniet li l-pjan tal-Gvern dwar it-trasport tal-istudenti se jkun qed iħalli lill-għalliema f’riskju li jinqabdu bla karozza, speċjalment f’każ ta’ emerġenza.

Dan qalitu fi stqarrija fejn sostniet li tinsab xettika tal-pjan tal-Gvern li se jkun qed jitlob lill-għalliema jieħdu ħsieb lill-istudenti waqt li jkunu qed jistennew it-trasport għall-iskola.

Irrimarkat li l-ħlas propost mhux biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż tal-għalliema li jkollhom jaslu fil-post minn fejn jinġabru l-istudenti bil-vettura tagħhom, iħalluha pparkjata hemm ġurnata sħiħa u wara jerġgħu jagħmlu l-istess.

Fi stqarrija l-MUT sostniet li l-Ministeru tal-Edukazzjoni “ma jistax jibqa’ jippretendi li r-rwol tal-edukaturi jibqa’ jiġġebbed sabiex jilħaq il-ħtiġijiet kollha li joħorġu mill-wegħdiet”. Sostnew li hemm nuqqas kbir ta’ interess mill-edukaturi dwar din is-superviżjoni.

L-Unjin sostniet li mhix sorpriża b’din l-aħbar hekk kif kienet minn tal-ewwel li esprimiet it-tħassib dwar kemm l-edukaturi se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva.

Spjegat kif waħda mill-problemi huwa l-fatt li l-għalliem jistgħu jispiċċaw bir-responsabbiltà ta’ superviżjoni ta’ aktar minn 50 student.

L-MUT talbet lill-Ministeru sabeix janalizza u jindirizza r-raġunijiet veri wara n-nuqqas ta’ interess mill-edukaturi, filwaqt li insista li l-persuni li jiġu fdati b’dan is-servizz ikollhom il-kredenzjali kollha sabiex ikunu jistgħu jagħmlu superviżjoni mal-istudenti.