Għalliema fl-MCAST ordnati jżommu d-dettalji tal-istudenti li ma jmorrux

L-Unjin għall-Għalliema Maltin (MUT) għadha kemm ħarġet sett ta’ sitt direttivi għall-membri tagħha li jgħallmu ġewwa l-MCAST fejn fost l-oħrajn qed jitolbu li dawn l-għalliema sabiex iżommu d-dettalji ta’ liema studenti qed jattendu għal-lezzjonijiet u liema mhumiex.

Fuq il-websajt tal-MUT, tħabbar li dawn id-direttivi ħarġu propju wara l-kulleġġ falla milli jonora l-ftehim kollettiv li ntlaħaq bejnu u bejn l-MUT aktar kmieni din is-sena. Id-direttivi għandhom jidħlu fis-seħħ nhar il-Ħamis.

Ilbieraħ l-Unjin infurmat il-maniġment tal-MCAST u l-Ministeru għall-Edukazzjoni li qed tiddikjara Tilwima Industrijali mal-kulleġġ wara li dan falla milli jsegwi l-proviżjonijiet tal-ftehim kollettiv fejn jidħlu s-salarji u l-arretrati. Fuq il-websajt tal-MUT ġie spjegat li l-membri tagħha għadhom qed jirċievu salarji skorretti u dan juri li l-eżerċizzju li kien intlaħaq ftehim dwaru sabiex dawn l-iżbalji ma jibqgħux isiru, għadu ma daħalx fis-seħħ, minkejja li l-qbil seħħ xhur ilu.

Id-direttivi tal-MUT jinkludu:

  1. Ma ssirx komunikazzjoni mal-manaġement, inkluż b’mod verbali, bil-miktub u permezz ta’ imejl, kif ukoll ma jattendux għal laqgħat tal-istaff u dawk mal-koordinaturi.
  2. Li jżommu d-dettalji dwar l-attendenzza tal-istudenti mistura mill-istituzzjoni sakemm jirċievu struzzjonijiet mill-Unjin.
  3. Komunikazzjoni mal-istudenti ssir biss skont it-time-tables.
  4. Li l-assignments ma jiġux ivverifikati mill-għalliema qabel ma l-istudenti jissottomettu l-verżjoni finali.
  5. Li ma ssirx parteċipazzjoni f’attivitajiet li mhumiex parti mill-kurrikulu, inkluż ċerimonji tal-gradwazzjoni, avvenimenti tal-midja u żjarat ta’ istituzzjonijiet.
  6. Li ma jsirux żjarat industrijali, tal-apprentistat u tal-internships.