Għalliema aggrediti jingħataw kumpens ta’ €240,000 fir-Renju Unit

23 għalliem f’Londra ngħataw kumpens li jammonta għal €240,000 wara li dawn sfaw aggrediti fl-iskejjel tul is-sena li għaddiet.

Wieħed mill-għalliema ngħata kumpens ta’ €88,000 wara li sofra ġrieħi gravi f’għajnejh waqt li kien qed jgħallem fi skola f’Londra filwaqt li għalliema oħra ngħatat €22,000 bħala kumpens biex jingħalaq każ fejn fih kienet ġiet imbuttata minn student.

Somom oħrajn li ngħataw bħala kumpens biex jingħalqu każijiet legali jinkludu €2,770 lil għalliem li sofra ġrieħi f’subgħajh wara li qala’ daqqa ta’ paletta tat-table tennis filwaqt li għalliem ieħor ingħata €270 bħala kumpens wara li kellu jingħata kura dentali wara li student tah daqqa b’rasu.

Skont rapport minn 108 kunsill  minn madwar ir-Renju Unit jirriżulta li b’kollox kien hemm 26,695 każ fejn studenti ġew sospiżi mill-iskola wara li aggredew xi għalliem jew impjegati fl-iskola.  Dawn il-każijiet ammontaw għal spiża totali ta’  €1.78 miljun. Dawn il-każijiet nefqu l-Gvern Ingliż spiża legali ta’  €887,000.

Apparti każijiet ta’ vjolenza, għalliema ngħatat kumpens ta’ €39,000 wara li ndarbet wara li waqgħet f’ħofra li kienet tħaffret biex titħawwel siġra li baqgħet ma tħawlitx fl-iskola filwaqt li fi skola oħra  impjegat ingħata kumpens ta’ €12,000 wara li ntlaqat minn xatba li waqgħet għax ma twaħħlitx sew.