Għalliem u tifel maqtula f’attakk b’xabla fi skola fl-Iżvezja

Raġel b’maskra ma’ wiċċu u b’xabla f’idejh daħal fi skola fl-Iżvezja u qatel lil għalliem u student.
Għalliem ieħor u student ieħor ndarbu fl-attakk qabel ma’ l-Pulizija sparatlu.
L-istudenti huma ta’ 11 u 15-il sena imma għadu mhux magħruf liema mit-tnejn irnexxielu jsalva.
Issa, l-aggressur jinsab l-isptar taħt operazzjoni minħabba t-tir ta’ arma tan-nar.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li r-raġel, ta’ 21 sena, daħal fl-iskola fi Trollhattan, b’wiċċu mgħotti b’maskra –aktarx ta’ Star Wars – liebes l-iswed u b’xabla twila f’idejh.
Għall-ewwel l-istudenti ħasbu li kienet ċajta imma ftit mumenti wara ndunaw li kien attakk u nħoloq il-paniku.
Student li tkellem ma’ ġurnal lokali qal li oħt tifla fil-klassi ċemplitilha biex tgħidilha li kien hemm qattiel fl-iskola.
Qal li t-tfal sakkru l-bieb tal-klassi imma l-għalliem kien għadu barra fil-kuridur. It-tifel u oħrajn ħarġu fil-kuridur biex iwissu lill-għalliem u ra lill-qattiel, liebes maskra.
Kien dak il-ħin li l-għalliem intlaqat mix-xabla. It-tifel qal li l-qattiel beda jiġri warajh u kieku ma daħalx jissakkar fi klassi oħra, kien joqtlu.
S’issa għadu mhux magħruf għaliex seħħ l-attakk, bil-Pulizija Żvediża mistennija tindirizza konferenza tal-aħbarijiet dalwaqt.