Għalliem joħloq librerija fil-klassi tiegħu minn kotba riċiklati

Għalliem Malti ddeċieda li joħloq librerija żgħira għall-istudenti tiegħu għal din is-sena skolastika l-ġdida, kollha minn kotba riċiklati.

Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, l-għalliem tal-Ingliż, Andy Muscat spjega li ftit tal-ġimgħat ilu rċieva t-timetable ta’ kif se jkunu mqassma l-lezzjonijiet tiegħu. Sab li 22 minn 24 lezzjoni se jkunu fl-istess klassi u ddeċieda li jrid li lil din il-klassi jagħmlilha xi ħaġa speċjali. Kien hawn li ġietu l-idea ta’ Recycle Malta – Classroom Library.

Qal li din kienet opportunità għalih li jibdel il-klassi daqs li kieku kienet tiegħu, minkejja li jaqsamha ma’ għalliema oħrajn. Qal li ddisinja xi posters u anke flimkien ma’ ommu ġab xi pjanti biex iżejjen il-klassi.

“Ħafna mill-għalliema tal-Ingliż igergru għax l-istudenti ma jaqrawx”

Spjega li bosta għalliema tal-Ingliż igergru għax l-istudenti ma jaqrawx biżżejjed. B’hekk beda jaħseb x’jista’ jagħmel biex jinkoraġġihom jagħmlu dan. Minn hawn nibtet l-idea tal-librerija. Hu beda jaħseb minn fejn seta’ jġib il-kotba għat-tfal u kien hawn li tefa’ post fil-grupp Recycle Malta. Qal li għexieren ta’ persuni offrewlu kotba, magazines u posters. Kien hemm min saħansitra offrielu anke għamara għall-klassi. Qal li kien hemm persuni li stednuh biex jidħol fil-libreriji tagħhom u anke jagħżel mill-kollezzjoni tagħhom, kotba li jagħmlu sens għall-istudenti tiegħu.

Jgħaddi messaġġ lill-istudenti tiegħu

F’messaġġ lill-istudenti tiegħu, Muscat ippreżentalhom soċjetà li lesta li tagħmel minn kollox għal dak li temmen fih. F’dan il-każ, l-istudenti tal-pajjiż. Qal li huwa importanti li wieħed japprezza kif persuni li ma jafuhomx, taw daqshekk bil-qalb wara sempliċi mistoqsija. Insista kemm hi xi ħaġa sabiħa li wieħed jgħix f’komunità fejn il-poplu huwa nkoraġġut sabiex ikun ġeneruż u jaqsam il-ġid tiegħu ma’ ħaddieħor.