Għalliem akkużat b’abbuż sesswali fuq 5 ibniet

Read in English.

Carmel Agius, għalliem tal-arti nżamm arrestat wara li kien akkużat b’abbuż sesswali fuq ħamest ibniet fl-iskola tal-arti tiegħu.

Ir-raġel li għandu 52 sena kien akkużat li fi Frar li għadda u fix-xhur ta’ qabel immolesta ħamest ibniet li l-età tagħhom tvarja bejn id-disgħa u t-12-il sena. L-abbuż sar fl-iskola tal-arti mmexxija mill-akkużat. Fil-Qorti ħareġ li l-Pulizija ġew infurmati b’dan il-każ wara li waħda mill-istudenti stqarret li l-għalliem kien qed imissilha l-partijiet privati tagħha. Min-naħa tagħha l-pulizija kellmet ‘il fuq minn 50 student li jattendu f’din l-iskola tal-arti. Kien hawn li ħareġ li kien hemm erbat ibniet oħra li l-akkużat allegatament miss il-parti privati tagħhom jew li kien hemm fastidju sesswali.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih bl-avukat tad-difiża titlob divjett fuq isem l-akkużat, madankollu l-Qorti ċaħdet din it-talba bl-argument li jista’ jkun hemm aktar persuni li jersqu għand il-pulizija la darba jaraw l-aħbar. Min-naħa l-oħra ordnat divjett fuq isem l-allegat vittmi sabiex ma jsofrux minn trawma oħra. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li r-raġel qed jaffaċċja akkużi simili b’każ separat. Il-Maġistrat Donatella Frendo Domech ordnat ordni ta’ protezzjoni u sigurtà fuq l-allegat vittmi u l-qraba tagħhom.