Serqa deheb Għawdex: Sentejn ħabs u żewġ arresti

Illum waranofsinhar tressqu l-Qorti tliet Rumeni b’rabta ma’ serqa minn ħanut tad-deheb fir-Rabat Għawdex f’Awwissu li għadda.
Wieħed mir-Rumeni ntbagħat sentejn priġunerija wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Iż-żewġ Rumeni nisa ċaħdu l-akkużi u qed jinżammu taħt arrest preventiv.
Ir-Rumeni tressqu l-Qorti wara ħidma konġunta bejn l-Għassa tar-Rabat Għawdex u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, li wasslet biex ġew identifikati u nġiebu lura.
Dan wara li nħareġ u kien milqugħ mandat ta’ arrest Ewropew.
Huma kienu serqu ammont sostanzjali ta’ deheb, wara li daħlu fil-ħanut u talbu lill-impjegata turihom xi ġojjelli mill-vettrina. Hi refgħet id-deheb li kellha dak il-ħin u kompliet taqdi xi klijenti. Aktar tard indunat li l-ġojjelli li refgħet aktar kmieni kienu sparixxew.
Dakinhar, il-ħallelin telqu minn Għawdex b’dgħajsa, għaddew lejl f’Malta, qatgħu biljett tal-ajru u ħallew il-pajjiż. Tnejn marru l-Italja u t-tnejn l-oħra t-Turkija.