Iwieġeb ħati r-raġel li “waqqaf lil Għawdex”

15:15 Il-Maġistrat javża lill-akkużat biex iżomm b'mod strett mal-kundizzjonijiet imposti fuqu għax jispiċċaw jeħlu l-ġenituri tiegħu. Jgħidlu li għandu responsabbiltà kbira fuq spallejh.
14:14 L-akkużat jingħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta' €20,000. Ġie ordnat jiffirma darbtejn f'ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija, u biex ma jitlaqx minn Malta.
14:00 Il-Maġistrat jinnota li l-avukati tad-difiża qed jissuġġerixxu li l-akkużat jingħata sentenza li tinvolvi s-servizz fil-komunità. Il-Maġistrat jgħid li għalkemm ħafna nies jaħsbu li l-Qorti tista' taqbad tagħti sentenza bħal din f'kull każ, din l-idea hija waħda skorretta. Qal li jrid jara rapport li l-imputat jikkwalifika għall-servizz fil-komunità.
13:56 Il-ġenituri tal-akkużat jikkonsultaw mal-avukati tad-difiża biex jaraw jekk jistgħux jagħmlu tajjeb għat-tifel tagħhom – jiġifieri joffru garanzija li jżomm mal-kundizzjonijiet imposti fuqu jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.
13:51 Il-prosekuzzjoni titlob li l-akkużat ma jingħatax il-libertà proviżorja peress li hemm persuna oħra li trid tiġi investigata b'rabta ma' dan il-każ.
13:35 L-akkużat jerġa' jidħol fl-awla
13:03 Kawża posposta għas-sentenza.
13:01 Id-difiża tgħid li sentenza ta' ħabs mhux se tagħmel ġid għall-akkużat.
12:55 Il-Prosekuzzjoni tkompli tgħid li kien hemm pazjenti li kienu marru Malta għall-kura tal-kanċer li spiċċaw jistennew. Kien hemm ukoll persuni li tilfu t-titjieriet tagħhom.
12:54 Il-Prosekuzzjoni tgħid li l-imputat waqqaf lill-Għawdex bit-telefonata li għamel. It-tfittxijiet damu erba' sigħat biex isiru. Il-ħidma tal-Gozo Channel ġiet affetwata sa anke l-għada.
12:52 L-akkużat li għandu 30 sena jwieġeb ħati
12:45 Għadhom jistemgħu kawżi oħra quddiem il-Maġistrat
12:07 Il-Maġistrat jidħol fl-Awla
12:00 Il-pulizija, l-avukati, u l-ġurnalisti jinġabru fl-Awla.
Se jitressaq il-Qorti raġel b’akkużi relatati ma' theddida ta’ bomba fuq il-Gozo Channel li fit-8 ta’ Mejju waqqfet ħesrem is-servizz tal-vapuri.
Il-Maġistrat huwa Dr Aaron Bugeja.
X'kien ġara fit-8 ta' Mejju?
Is-servizz kien ġie sospiż sabiex isiru t-tfittxijiet fuq il-vapur Gaudos fiċ-Ċirkewwa u fuq il-vapur Ta' Pinu fil-Port tal-Imġarr.
Uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta mit-taqsima tal-isplussivi (EOD) intbagħtu mill-ewwel fuq il-post biex jagħmlu t-tiftix neċessarju. It-tfittxija saret ukoll permezz ta' bugħaddasa.
Wara li tlestew it-tfittxijiet fuq il-vapuri, il-Pulizija bdew iduru bil-klieb kull vettura fil-kju għall-vapur. Minkejja li ħin minnhom dehru telgħin vetturi fuq il-vapur, kelliem għall-Gozo Channel qal ma' Newsbook.com.mt li ttellgħu biss żewġ vannijiet għax kienu qed iġorru l-mediċini.
Ritratt: Anthony Grech