Għall-Qorti minħabba għodda li tħalliet f’pazjent waqt operazzjoni

Ġie ppreżentat protest ġudizzjarju quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, f’isem il-pazjenta Antonia Bajada, hekk kif qed jiġi argumentat li, minħabba negliġenza min-naħa tat-tobba tal-Isptar Mater Dei, qed issofri minn kumplikazzjonijiet serji fiżiċi u psikoloġiċi.
Fil-protest kontra l-awtoritajiet ikkonċernati, ġie argumentat li l-pazjenta ilha sentejn u nofs issofri minn uġigħ serju hekk kif waqt intervent mediku, tħalliet biċċa għodda medika f’ferita fonda.
Ġie argumentat ukoll li dan wassal biex il-ferita ma fieqet qatt u saħansitra kkawżatilha uġigħ fiżiku, skumdità, deni u ħsara psikoloġika.
Barra minn hekk, il-pazjenta ma rċeviet l-ebda sapport jew konsolazzjoni, tant li xi ħaddiema tal-Isptar qalulha li qed toħloq paniku bla bżonn.
Apparti dan, ma ttieħdet l-ebda azzjoni biex tiġi indirizzata din in-negliġenza.