Għall-Qorti għax ma neħħiex iż-żebgħa kif suppost

Persuna se tkun qiegħda titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin wara li l-mod kif kellha titneħħa ż-żebgħa ħamra li saret fuq żoni protetti ma kienx dak miftiehem mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Il-pulizija fi stqarrija spjegat li wara saru spezzjonijiet mill-Pulizija mis-sezzjoni tal-Environment Protection Unit (EPU) u mill-uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) sabiex ikun żgurat li l-marki li saru b’żebgħa ħamra madwar Malta jitneħħew mill-persuna b’mod responsabbli, il-puliżija sabet li l-metodu kif bdew jitneħħew dawn il-marki ma kienx kif miftiehem u approvat il-ġurnata ta’ qabel.

Dawn il-marki saru minn persuni sabiex jindikaw id-direzzjoni għall-ġirjiet li kienu qegħdin isiru minn aġenzija barranija. Il-persuna responsabbli kien ordnat li jneħħi din iż-żebgħa b’mod li jirrispetta l-ambjent u ma jagħmilx iktar ħsara.

Fil-jiem li ġejjin il-persuna se tkun qiegħda titressaq il-Qorti mill-pulizija flimkien mal-ERA b’rabta mal-iżviluppi li seħħew fuq dan il-każ.