Sentenza sospiża għaż-żagħżugħ li hedded lil Marlene Farrugia

Żagħżugħ ta' 17-il sena ngħata sentenza sospiża, wara li fuq Facebook hedded lill-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia.
Fil-Qorti, iż-żagħżugħ ġie wkoll imwissi biex 'jieqaf u jaħseb' qabel ma jikteb xi ħaġa.
L-avukat ta' Dr Farrugia, qal fil-Qorti li l-klijenta tiegħu kienet ilha tirċievi theddid, u li iżda fiċ-ċirkustanzi kurrenti, ħasset li għandha tieħu azzjoni.
Instema' wkoll li aktar tard iż-żagħżugħ skuża ruħu ma' Farrugia.
Għalkemm il-Pulizija ma speċifikatx isem l-akkużat, kien ċertu Brandon Caruana li lil Farrugia qalilha fuq Facebook li jista’ jiġrilha bħal Daphne Caruana Galizia. Huwa ngħata sentenza ta' 18-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin. Ġie mwissi wkoll biex ma jkellimx lil Marlene Farrugia. 

Min-naħa tagħha, il-MP qalet li ilhom jhedduha għal dawn l-aħħar 4 snin, iżda kitbet li mhix se tibża’ minn kodardi, u hawnhekk irreferiet għal Caruana.
“Fejn ħalliet Daphne nkompli jiena”, waqt li kompliet tgħid li aktar tħossha konvinta li tgħajjat aktar minn qatt qabel.