Aġġornata: Għall-Qorti fuq droga wara li ppruvaw jiżgiċċaw lill-pulizija

Serba ta’ 50 sena u Serb ta’ 34 sena ngħataw il-libertà proviżorja wara li stqarrew li ma kienux ħatja li kellhom id-droga kokaina, ecstasy u kannabis.
Il-mara ngħatat il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €3,000 filwaqt li r-raġel ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €4,000.

Aktar kmieni
Mara ta’ 50 sena u raġel ta’ 34 sena, it-tnejn ta’ nazzjonalità Serba, mistennija jitressqu l-qorti dalgħodu dwar pussess ta’ droga.
Dan wara li nhar is-Sibt li għadda, instab li kellhom madwar 50 gramma raża tal-kannabis, kważi 17-il gramma ħaxixa tal-kannabis, 56 pillola tal-ecstasy u qartas kokaina.
Kien għall-ħabta tad-8.45pm meta l-Pulizija tad-Distrett li kienu fuq ronda, lemħu żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż f’karozza fi Triq San Ġeraldu, San Pawl il-Baħar.
Hekk kif il-pulizija bdew joqorbu, il-karozza saqet b’veloċità lejn it-Torri ta’ Wignacourt. Eventwalment il-pulizija interċettaw il-karozza fi Triq Dawret il-Gżejjer, u bdew bit-tfittxijiet li komplew f’appartament.
Instabu wkoll affarijiet oħra relatati mad-droga.