Għall-Oxfam, Malta għandha tkun fil-lista l-ġdida ta’ tax havens

L-Oxfam jidhirlu li Malta għandha tiddaħħal fil-lista ta’ pajjiżi madwar id-dinja li jistgħu jitqiesu bħala tax havens, jiġifieri ġenna għal min ma jridx iħallas taxxi jew idur magħhom biex jevitahom.
Ma’ Malta hemm 3 pajjiżi oħra mill-Unjoni Ewropea, li dejjem skont din l-organizzazzjoni, imisshom jiżdiedu mal-lista: il-Lussemburgu, l-Irlanda u l-Olanda, li għal dawn tal-aħħar irrimarkat li huma fost l-aktar tax havens qawwija fid-dinja.
Fir-rapport li din l-organizzazzjoni internazzjonali ppubblikat ilbieraħ, BLACKLIST OR WHITEWASH? What a real EU blacklist of tax havens should look like, l-Oxfam targumenta li l-UE jmissha tħares waħda sewwa lejha nnifisha qabel tippubblika lista ta’ pajjiżi li skontha huma ġenna għal min irid jiżgiċċa t-taxxa.
L-Oxfam tħaddan madwar 20 organizzazzjoni minn madwar id-dinja, u tinsab f’aktar minn 90 pajjiż biex tiġġieled il-faqar.
Ir-rapport tlesta hekk kif fiż-żmien li ġej l-UE mistennija tippubblika lista’ ta’ pajjiż li huma tax havens, u għalhekk ir-rapport tal-Oxfam jilqa’ għalih billi jissuġġerixxi liema pajjiżi għandhom ikunu fil-lista.
Jargumenta li minħabba pressjoni politika l-UE mhux dejjem tkun sinċiera magħha nnifisha u tħalli barra pajjiżi li, skont l-Oxfam, huma tax havens, billi ma tapplikax il-kriterji tagħha stess fuq l-Istati Membri.
Ma’ dal-pajjiżi, hemm 35 pajjiż ieħor barra mill-UE li skont l-organizzazzjoni għandhom ikunu fil-lista.
L-Oxfam tenfasizza li biex il-faqar u l-inugwaljanza jitnaqqsu hemm bżonn li jipu indirizzati dawn il-pajjiżi, li fihom is-sinjuruni tad-dinja jaħbu flushom sabiex ma jħallsuxm it-taxxi dovuti, flus li ladarba jkunu moħbija ħadd ma jkun jaf imnejn ġew, jekk hux minn attività li tisfrutta lill-fqir jew lill-batut.
Aqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.