“Għall-mument ħassejtek waħdek…kollha ngħaddu minnha”

omm tibki tifel jibki

Omm kitbet ittra miftuħa lill-omm oħra li rat tibki mal-art f’ħanut wara li t-tifel iż-żgħir tagħha beda jibki u jwerżaq mingħajr raġuni, bil-għan li tagħmlilha kuraġġ u tgħidilha li qed tagħmel biċċa xogħol tal-ġenn bħala omm.

L-omm kitbet fil-forum dwar it-trobbija tat-tfal Mumsnet, biex toffri l-appoġġ tagħha lill-omm li rat bilqiegħda mal-art bid-dmugħ f’għajnejha. Għall-kritika ta’ xi wħud li messha marret tkellimha, qalet li hekk għamlet u li offritilha li xi darba jiltaqgħu biex jieħdu kafe’ flimkien.

Spjegat li l-omm kienet mat-tifel żgħir tagħha li kellu madwar sentejn u li riedet tassiguraha li ma kinitx weħidha u m’għandhiex tħossha ġġudikata. Qalet li uriet kemm kienet omm tajba billi esprimiet l-imħabba tajba lejn it-tifel. Kompliet li dan hu l-iktar xogħol diffiċli fid-dinja u li kull omm ikollha dawn il-mumenti fejn kollox isir piż kbir u jkollha bżonn tpoġġi mal-art f’ħanut u tibki bikja.

Ommijiet oħra urew appoġġ għall-messaġġ u qalu li din l-ittra għandha tkun ta’ għajnuna u ta’ kuraġġ għal ommijiet oħrajn li f’xi mumenti jistgħu ikollhom id-dubji tagħhom. Oħrajn ikkummentaw li l-omm kienet kuraġġjuża li ħadet it-tifel magħha biex tixtri.

Omm oħra qasmet l-esperjenza tagħha fejn qalet li binha ta’ sentejn kien imqarqaċ sew il-lejl ta’ qabel. Qalet fortunatament kollox ġara fid-dar u setgħet tibki bikja bil-kwiet u tieħu belgħa te’. L-ommijiet qablu li messaġġ bħal dan iservi ta’ appoġġ pożittiv għal kull omm li tħossha titfarrak fil-pubbliku u li toħroġ mill-biċċa taħseb li bil-ħars li jagħtiha kulħadd ikunu qed jiġġudikawha. “Kemm hu sabiħ tiftakar li hemm nies hemm barra li jħarsu lejk b’simpatija u b’mohdrija,” qalet omm oħra.

Omm oħra qalet li kwalunkwe kumment li jassigura lill-ommijiet li huma normali u li qed jagħmlu l-aħjar tagħhom, jgħinu jkompli jirsistu fit-trobbija ta’ uliedhom. Mara oħra qalet li ftit ilu kienet hi f’din is-sitwazzjoni u f’battalja kontra d-dipressjoni ta’ wara t-twelid u spiċċat ġol-karozza f’parkeġġ tbennen u tipprova tikkalma t-tarbija li kienet qed tibki u twerżaq. Spjegat kif mara oħra waqfet biex tgħinna u tappoġġjaha fil-mument diffiċli.

L-Aġenzija Sedqa toffri kors dwar it-Trobbija Pożittiva. Iktar dettalji fuq 23885110 jew sedqa@gov.mt. Il-kors li jmiss se jsir f’Ottubru.