“Għall-Milied nitolbu lill-Mulej jagħtina għajnejn li jfittxu lid-dgħajjef” – L-Isqof Teuma

Djoċesi ta’ Għawdex / Anthony Grech

Read in English.

L-Isqof t’Għawdex Anton Teuma qal li dan il-Milied għandna nitolbu lill-Mulej jagħtina għajnejn li jmorru lil hinn min-normal, iħufu fil-periferija u jfittxu lid-dgħajjef.

Dan kien il-messaġġ ta’ Mons. Teuma fl-omelija li għamel fil-quddiesa ta’ nofsillejl fil-Katidral t’Għawdex, omelija li ffukat fuq id-dgħufijiet tal-bniedem u kif dan jista’ jegħlibhom.

Mons. Teuma beda l-omelja tiegħu biex jistaqsi jekk illum, fl-2020, għadx għandna bżonn lis-Salvatur li ħabbar it-twelid tiegħu l-anġlu. Huwa stqarr li iva, għandna bżonnu, għax “dak li hu ġenn għalina, għal Alla hu għerf u intelliġenza. Dak li hu dlam għalina, għal Alla huwa dawl. Dak li hu dgħufija għalina, għal Alla huwa qawwa.”

L-Isqof spjega kif hi fin-natura tal-bniedem li jkun irid jilħaq, isir, jikber u jaħkem, l-istess kif ried Ċesari biċ-ċensiment li ried jagħmel. L-Isqof, iżda, kkumparah ma’ Alla, li mhux talli ma jridx jaħkem, talli jasal jiċċekken u jsir tarbija. Huwa ddeskriva lil Alla bħala dak li jagħżel lill-iżjed dgħajjef, iżda fiehem li aħna l-bnedmin din insibuha diffiċli naċċettawha, “Għax ġo fina hemm dak l-ego, dak il-jien li jrid jidher, li jrid iqum, li jrid jikkontrolla, li jrid ikollu l-poter fuq l-oħrajn, u dak mhux lakemm neqirduh mil-lum għal għada.”

Fil-fehma tal-Isqof, jekk verament ngħixu l-Vanġelu moqri fil-quddiesa ta’ nofsillejl, tal-Milied, naraw li m’għandniex għaliex ninkwetaw, għax Alla jara x’inhu dak li nistmerru u jdejjaqna fina nfusna, saħansitra d-dnub tagħna. Fi kliem l-Isqof, “il-Vanġelu tal-lum jistiednek biex taċċetta lilek innifsek kif int; biex ma tinkwetax, ma tippreokkupax ruħek li trid tkun differenti minn dak li int. Għax Alla jħobbok kif int, fid-dgħufija tiegħek. Jekk inti jidhirlek li ma għandekx dgħufijiet, allura ma għandekx bżonn ta’ Salvatur. Jew forsi għandek bżonn tara lilek innifsek aħjar. Għax min hu perfett?”

Issokta jgħid li l-problema tal-bnedmin illum hi li mingħalihom li jistgħu jsolvu l-problemi kollha huma stess, li bil-flus jaslu kullimkien u jirnexxilhom jagħmlu kollox. Madankollu, kriżi bħall-pandemija tikxef kemm fil-verità l-bnedmin huma limitati u kemm għandhom dgħufijiet.

Isqof t'Għawdex Anton teuma
Jeremy Scicluna

Minkejja dan, it-tarbija ta’ Betlehem għadha tista’ ssalvana, insista l-Isqof. Dan tagħmlu b’żewġ modi: billi tqanqal fina dak li hu sabiħ, tajjeb u pożittiv, bħall-ħniena u l-imħabba, u billi teħlisna mill-preokkupazzjonijiet ta’ x’se nilħqu, x’se nkunu, li niġu stmati, inkunu importanti u jkollna valur.

Fi tmiem l-omelija tiegħu, għalhekk, l-Isqof appella lil dawn preżenti biex la jmorru d-dar, japprezzaw id-dgħufijiet fihom infushom u f’ħaddieħor: “iddeċiedi li tħobb iktar lil dik il-mara illi forsi bħalissa qiegħda ddejqek; li tħobb iktar lil dak it-tifel li forsi bħalissa qed iġiegħlek tistħi; li tħobb iktar lil dak il-ġenitur li forsi lilek ma takx daqskemm ta lil ħuk jew lil oħtok; li tħobb iktar lill-ġara jew lill-ġar li huma forsi meqjusin bħala l-persuni li mhumiex denji li jkunu fit-triq tiegħek.”