Għall-konsultazzjoni standards ġodda relatati mal-vizzji

Pjan li jkun hemm sapport olistiku li jżomm il-persuna ċ-ċentru tal-ħidma huwa wieħed minn sett ta’ standards li ġew imnedija għall-konsultazzjoni pubblika sett ta’ standards regolatorji għal servizzi  bbażati fl-uffiċċju kif ukoll servizzi residenzjali li jaħdmu ma’ persuni bi problemi relatati ma’ droga, alkoħol u logħob tal-azzard.

L-għan ta’ dawn l-istandards hu li jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-persuna f’ambjent terapewtiku, u jkun assigurat is-sigurtà tal-individwu filwaqt li l-proċeduri jkunu effettivi u rispettati. Permezz ta’ dawn l-istandards min qed joffri s-servizz għandu jkollu sistema effettiva fejn jinżammu d-dokumenti u l-mod kif tiġi mgħoddija l-informazzjoni kif ukoll li jiġu stabbiliti relazzjonijiet esterni u offrut servizz ta’ kwalità.

Il-Ministru għall-Familja, d-Drittijiet tat-Tfal u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li dawn l-Istandards Soċjali Regolatorji qed jiġu stabbiliti bil-ftehim li kull min jagħmel użu minn dawn is-servizzi jkollu d-dritt għal ħarsien ta’ kwalità. Żied li din għandha tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji bażiċi: dinjità, privatezza, dritt għall-għażla, sigurtà,  twettiq tal-potenzjal, ugwaljanza, individwalità u diversità.

Il-Ministru qal li bl-għajnuna tal-awtorità se jkunu rregolati s-servizzi kollha relatati mal-ħidma kontra l-vizzji, sabiex b’hekk ikun offrut l-ogħla livelli ta’ servizz ta’ kwalità lill-klijenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella qal li dawn l-istandards se jagħtu opportunità kemm lil dawk li joffru s-servizz kif ukoll lill-klijenti  sabiex jużaw il-potenzjal u l-abbiltajiet tagħhom filwaqt li jkunu qed jaħdmu mal-professjonisti varji sabiex jegħlbu l-problema tad-droga, alkoħol, u logħob tal-azzard.

Kull min jixtieq jaċċessa d-dokument ta’ konsultazzjoni jista’ jagħfas hawn. Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Lulju, u s-suġġerimenti se jintlaqgħu fuq is-sit feedback.scsa@gov.mt