“Għall-iżviluppaturi ma tagħmilx differenza min ikun fil-Gvern” – Sandro Chetcuti

Il-Kunsill Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin iltaqa’ mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fid-Dar Ċentrali tal-partit.
Simon Busuttil kien akkumpanjat minn Robert Arrigo, Ryan Callus u Matthew Gatt.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li s-settur tal-kostruzzjoni huwa importanti għall-pajjiż u jrid ikun mibni fuq żewġ pedamenti fundamentali li huma s-sostenibbiltà u l-onestà, mhux biss il-livell personali iżda ukoll fil-governanza.
Simon Busuttil għamel referenza għad-dokument ta’ qabel il-baġit u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar is-sostenibbilità ambjentali u fisser li ma nistgħux nibnu fuq art ‘il barra mill-iżvilupp għax dan inaqqar mis-sostenibbilità u mhix governanza tajba.
Qal li lanqas hi tajba l-liġi li se tidħol fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament li permezz tagħha, il-Gvern se jżarma lill-MEPA peress li l-poter fuq l-użu tal-art se tiġi kkonċentrata f’idejn il-politiċi.
Sostna li din hija riċetta għall-korruzzjoni.
Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti qal li għall-iżviluppaturi ma tagħmilx differenza min ikun fil-Gvern, għaliex iridu jaħdmu maż-żewġ partiti ewlenin iżda ma jieħdux gost li jrid jinbidel il-Gvern biex il-proposti tagħhom jiġu aċċettati.
Qal li fost il-proposti li ressqu l-iżviluppaturi kien hemm l-iskema tal-first time buyers u l-introduzzjoni tat-taxxa ta’ 15% fuq il-propjetà mikrija.
Sandro Chetcuti qal li l-MDA ikkritika lill-Gvern li l-burokrazija qed tiżdied meta saret il-wegħda li se tonqos b’25%.
Appella wkoll li l-ambjent u l-ippjanar ma jispiċċawx ballun politiku.