“Għall-iswab tests nagħtu prijorità lil dawk bis-sintomi” – Dr Melillo

swabbing center

Il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo qalet li fejn jidħlu l-appuntament għall-iswab tests, tingħata prijorità lil dawk li jċemplu u jgħidu li għandhom is-sintomi relatati mal-coronavirus.

Dan qalitu f’intervista ma’ Newsbook.com.mt ilbieraħ waranofsinhar fejn kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-pubbliku fejn jidħol dak li qed jiġri fil-pajjiż b’rabta mal-coronavirus.

Kienu diversi dawk li kkuntattjaw lil Newsbook.com.mt u spjegaw li ċemplu biex jagħmlu swab test għax saru jafu li kellhom kuntatt ma’ persuna li qabel kienet ġiet f’kuntatt dirett ma’ każ pożittiv. Meta ċemplu 111, dawn rċevew ir-risposta li bħalissa hemm backlog kbir ta’ swab tests li jridu jsiru u sakemm dak li jkun ma jkollux sintomi ma kienx se jingħata test immedjat. Intant, kien hemm kuntatti diretti ta’ persuni pożittivi li wkoll ingħataw perjodu twil ta’ stennija għall-iswab test, bil-wiegħda li jekk ikun vakat xi appuntament, se jkunu qed jingħataw prijorità.

Intant, kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li pazjenti sintomatiċi jingħataw appuntament għal swab test f’massimu ta’ 24 siegħa.

Intant, fl-intervista tal-bieraħ, Dr Melillo spjegat kif hemm limitu ta’ kemm jistgħu jsiru swab tests kuljum minħabba r-riżorsi. Propju matul il-jum tal-bieraħ sar numru rekord ta’ swab tests bit-total jitla’ għal 2,200. Intant, fl-aħħar 24 siegħa nstabu total ta’ 49 każ pożittiv biex b’hekk fil-pajjiż issa hawn total ta’ 486 każ pożittiv.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar li ż-żewġ Swab Centres ġodda se jkunu f’Ħal Qormi u f’Burmarrad. B’hekk b’kollox se jkun hawn sitt ċentri hekk kif dawn il-ġodda se jiżdiedu mat-tlieta eżistenti li minn Marzu li għadda fetħu f’Malta u wieħed f’Għawdex.