Għall-inqas salvawli t-tarbija – Omm lill-AFM

Omm talbet lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) biex għallinqas isalvaw il-wild tagħha. Skont l-għaqda Alarm Phone din l-omm hija fost grupp ta’ 47 persuna fiż-żona tas-salvataġġ ta’ Malta.

Fuq Twitter Alarm Phone qalet li l-immigranti għamlu kuntatt magħha u qalu li għandhom bżonn l-ilma wara li qattgħu żewġt iljieli fil-baħar. In-nies qalu li qed imutu bil-mod u appellaw lill-Maltin biex ma jħalluhomx waħedhom. L-għaqda Alarm Phone appellat lill-AFM biex issalva lil dawn in-nies, ġurnata qabel l-Għid il-Kbir.

Skont Alarm Phone hemm erba’ dgħajjes fil-Mediterran li għandhom bżonn l-għajnuna. Hemm żewġ dgħajjes fiż-żona tas-salvataġġ Maltija – grupp ta’ 72 persuna u grupp ta’ 47 persuna.

L-AFM ma rrispondietx il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.

Fuq Facebook, għadd ta’ Maltin appellaw lill-awtoritajiet biex isalvaw lin-nies mill-għarqa.

There are 47 people – including pregnant women and children – stuck at sea off Malta, running out of water. Our powers…

Posted by Matt Tabone on Saturday, April 11, 2020

Il-Gvern qal li llum il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ltaqgħu mal-Ambaxxaturi ta’ Franza u Spanja dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti li għal Malta sar impossibbli li fl-ibħra Maltin insalvaw immigranti li t-traffikanti tal-bnedmin qed jibgħatu lejn Malta illegalment.

Fi stqarrija, il-Ministeri għall-Affarijiet Barranin u tal-Intern qalu li Bartolo u Camilleri qalu li l-instabbiltà fil-Libja u t-tixrid tal-coronavirus fil-Libja aktar qed iġibu sitwazzjoni ddisprata li faċilment tiġi sfruttata mit-traffikanti tal-bnedmin. Qalu li l-Unjoni Ewropea għandha tgħin lil-Libja f’din is-sitwazzjoni u ma tħallix lit-traffikanti tal-bnedmin ikomplu bin-negozju tagħhom u jibgħatu iżjed bnedmin lejn Malta.

Il-Ministri spjegaw kif il-virus COVID-19 ħoloq sfidi liema bħalhom għal Malta, speċjalment fuq il-qasam tas-saħħa u l-infurzar tal-liġi.

“Ir-riżorsi u l-ispazju fiċ-ċentri tal-immigranti huma limitati għal kollox u l-wasliet ta’ aktar immigranti jipperikolaw il-ħidma li qed issir fost dawk l-immigranti li diġà jinsabu fostna. Huma fakkru wkoll li l-fruntieri ta’ pajjiżna huma magħluqa proprju minħabba dawn l-istess raġunijiet marbutin mas-saħħa u s-sigurtà ta’ kull min qed jgħix f’Malta fil-preżent,” qal il-Gvern.  

Skont il-Gvern, l-ambaxxatriċi ta’ Spanja qalet ukoll li anki Spanja għalqet il-portijiet tagħha u l-barranin mhumiex qed jitħallew jidħlu fi Spanja: la bil-baħar, la bl-ajru, u lanqas mill-art.

Il-Ministri Maltin qalu li l”-kuntrabandu tal-immigranti reġa’ żdied mindu l-Ħadd li għadda l-vapur li jtajjar il-bandiera Ġermaniza tal-għaqda non-governattiva Sea-Eye sorġa barra l-ibħra Libjani u rreklama l-preżenza tiegħu u ħabbar li lest jieħu immigranti lejn l-Ewropa.”

Il-Ministri Maltin qalu lill-ambaxxaturi ta’ Spanja u Franza li mal-wasla tal-vapur, it-traffikanti tal-bnedmin bdew jimlew id-dgħajjes bl-immigranti  bi ħlas ta’ eluf ta’ ewro u jibgħatuhom mil-Libja biex jinġabru mill-vapur li jtajjar il-bandiera Ġermaniza.

Illum għadd ta’ entitajiet ikkritikaw lill-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti minħabba l-kummenti li għamel fuq Facebook.

“Naqbdulhom il-vapur u ngħerrquhulhom!”

Hekk kiteb il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti dwar vapur ta’ NGO li jsalva lin-nies milli jmutu fil-baħar.