Għall-ħabs wara tilwima fuq parkeġġ

Tilwima fuq parkeġġ f’Ħaż-Żebbuġ wasslet lil żewġ ġirien il-Qorti, b’wieħed minnhom jeħel sentejn priġunerija sospiżi għal 4 snin.

Iż-żewġ irġiel, wieħed ta’ 53 sena u l-ieħor ta’ 60 sena, bdew jitlewmu wara li bint wieħed minnhom ipparkjat quddiem id-dar tal-ieħor.

Sid id-dar hedded lit-tfajla biex twarrablu, għaliex ilmenta li wliedu qatt ma jsibu fejn jipparkjaw wara x-xogħol.

Missier it-tfajla ħebb għall-ġar u pponta arma bla munizzjoni mhux liċenzjata lejh, filwaqt li ibnu ħareġ b’ħadida sabiex ibeżżgħu. Dan spiċċa ferut u kellu jiġi operat l-isptar.

Il-missier instab ħati u flimkien ma’ sentejn ħabs, irid iħallas multa ta’ €248.10 u jsegwi programm ta’ kontroll tar-rabja.