Għall-ħabs wara li traffika 60 arma tan-nar fir-Renju Unit

Raġel li traffika 60 arma tan-nar bil-karozza tiegħu fir-Renju Unit intbagħat il-ħabs għal disa’ snin.

Robert Keogh, ta’ 37 sena minn Dublin, twaqqaf mill-uffiċċjali tal-fruntiera fil-port ta’ Dover fit-2 ta’ Awwissu. Il-Qorti semgħet kif kien hemm ċans kbir li bosta persuni kienu jispiċċaw vittmi ta’ tiri jew midruba li kieku Keogh ma ġiex imwaqqaf.

Is-sejba kienet l-akbar waħda tat-tip li saret f’port Ingliż skont in-National Crime Agency (NCA). Wara li sabu arma tan-nar waħda fil-karozza tiegħu, l-uffiċċjali ċemplu lill-NCA li aktar tard sabet 59 arma tan-nar oħra simili moħbija f’partijiet differenti tal-karozza. Keogh qal lill-Pulizija li kellu xi dejn u li kien qed jiġi sfurzat jagħmel dan biex jaqtgħu.

Hu spjega li kien se jitħallas €10,000 ta’ din il-biċċa xogħol u li beda jibża’ li jekk jirrifjuta li jikkopera jisparawlu.

L-Imħallef Rupert Lowe qal lil Keogh li li kieku ma twaqqafx, kien hemm ċans kbir li ħafna persuni jiġu mhedda, jispiċċaw vittmi ta’ tiri u anke riskju kbir li jinqatlu minn kriminali bl-użu ta’ armi illegali.