Għall-ħabs talli seraq minn fuq tal-linja

Raġel ingħata sentenza ta’ sitt xhur ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati ta’ serq.

Anrej Denika, ta’ 47 sena mir-Rumanija tressaq il-Qorti llum wara li jumejn ilu kien arrestat fil-venda tal-Belt wara li l-Pulizija rċeviet rapporti li kien hemm xi persuni jisirqu. Il-Qorti sabet lil Denika ħati li seraq kartiera minn fuq tal-linja u li f’Diċembru li għadda seraq ukoll ammont ta’ flus minn ATM f’San Ġiljan.

Il-Qorti semgħet kif għalkemm meta ġie rappurtat jumejn  ilu, huwa ma kienx laħaq seraq, il-Pulizija kienet qed tfittxu b’rabta mas-serq li wettaq xahrejn ilu.

Fid-dawl tal-kondotta nadifa tiegħu li l-ammonti li seraq kienu żagħar, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Dr. A.M Grima, tat lil Denika sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u ordnatlu jħallas lura fi żmien xahar is-somom ta’ €200 u €175 kif ukoll il-credit cards li seraq.