Aġġornata: Għall-Gvern il-ġustizzja hija logħba – Mario De Marco

Waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-mozzjoni ta’ tneħħija tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario De Marco qal li l-Gvern ta’ Joseph Muscat irnexxielu jirredikola l-Parlament u r-rappreżentanti tal-poplu, bil-konsegwenza li l-ogħla istituzzjoni demokratika tal-pajjiż tilfet il-poter tagħha.
Mario de Marco qal dan quddiem il-bini tal-Qorti akkumpanjat mill-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina.
De Marco qal li hi ġurnata li timmarka rebħa għal min ma jemminx li uffiċjal pubbliku għandu jkun responsabbli għal għemilu, waqt li hi ġurnata sewda għal min jemmen li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd.
Sostna li dan il-każ ikompli juri bl-aktar mod ċar li għall-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici, il-ġustizzja hija logħba.

Aġġornata bir-reazzjoni tal-Gvern
Il-Gvern qal li jikkundanna lill-Oppożizzjoni talli fuq materja sensittiva bħalma hi dik ta’ tneħħija ta’ ġudikant għażlet li taġixxi b’opportuniżmu politiku.
FI stqarrija l-Gvern qal li l-Oppożizzjoni taf li matul il-proċess kollu l-Gvern mexa b’responsabbiltà skont il-proċeduri Kostituzzjonali.
Il-Gvern temm jgħid li kuntrarjament bħall-Oppożizzjoni, mhuwiex lest li jarmi fil-ġenb kwistjonijiet ta’ natura ta’ drittijiet fundamentali li huma l-qofol tas-sistema demokratika.